Għall-ewwel darba Malta ser ikollha security stewards b’mod regolat, f’postijiet fejn isiru avvenimenti sportivi, li ser jikkumplimentaw ħidmet l-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija. Pulizija li f’dawn l-avvenimenti issa ser ikunu jistgħu jiffokaw aktar fuq id-dmirijiet ewlenin tagħhom (police core duties) bil-għan li l-familji Maltin u Għawdxin ikunu dejjem aktar siguri.
Dan hekk kif Malta ser tkun qed taddotta proċeduri u prattiċi addottati f’pajjiżi Ewropej f’avvenimenti sportivi internazzjonali.
Dan permezz ta’ liġi li l-Gvern qed iressaq ’il quddiem u li kienet preżentata mozzjoni dwarha fil-Parlament, li ser twassal biex persuni mħarrġa u liċenzjati jkunu jistgħu jagħtu s-servizz tagħhom. Dan il-qafas regolatorju mhux biss għalhekk jintroduċi dawn l-istewards, imma jinkariga wkoll il-Korp tal-Pulizija, mil-liċenzjar kemm tal-aġenziji ta’ stewards tas-sigurtà kif ukoll tal-istewards innifishom. Dan flimkien mal-kriterji ta’ skwalifika tal-liċenzja u d-dmirijiet u l-obbligi kemm għall-aġenziji u għal stewards tas-sigurtà.
L-irwol ta’ dawn l-istewards ser ikun fost oħrajn li jikkontrollaw l-aċċess għall-postijiet tal-isport u jużaw tagħmir elettroniku biex jiċċekkjaw l-ispettaturi għal affarijiet perikolużi jew projbiti, monitoraġġ għal xi riskju ta’ sigurtà jew theddid filwaqt li jassistu lill-Pulizija kif meħtieġ. L-għan tal-introduzzjoni ta’ dawn l-istewards huwa wkoll li jassistu f’dik li hija ordni u sigurtà.
Qabel wieħed ikun jista’ japplika biex jingħata l-liċenzja ta’ security steward irid ikun temm b’suċċess kors ta’ taħriġ li jkun rikonoxxut mill-Aworità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS) u approvat mill-Korp tal-Pulizija.
Il-komunità sportiva ta’ Malta jistħoqqilha rispett u protezzjoni. Għalhekk, dawn ir-riformi jintroduċu wkoll miżuri aktar b’saħħithom biex jiskoraġġixxu u jippenalizzaw lil dawk li jinvolvu ruħhom fi vjolenza, diskors ta’ mibegħda, jew imġiba ħażina. Dawk li jiksru l-liġijiet tal-ordni pubbliku se jiffaċċjaw ukoll, apparti akkużi misjuba fil-kodiċi kriminali, konsegwenzi serji oħra, fosthom:
• Multi ogħla għal reati mwettqa f’postijiet sportivi, li jvarjaw minn €500 sa €5,000.
• Projbizzjoni mandatorja milli jattendu avvenimenti sportivi għal perjodu ta’ bejn sitt xhur u ħames snin.
Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, f’laqgħa li kellu mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, tenna li bl-introduzzjoni tas-security stewards mhux biss il-Pulizija tkun tista’ twettaq xogħolha aħjar, iżda li tkompli tissaħħaħ is-sigurtà f’dawn il-postijiet. Żied li din il-liġi hija xhieda wkoll ta’ kif il-Gvern qiegħed ifassal il-politika tiegħu, bi djalogu kontinwu mal-istakeholders ewlenin u li wara dik il-konsultazzjoni, jiddeċiedi u jwettaq.
Matul id-diskussjoni, il-Ministri kellhom djalogu mal-ogħla diriġenti tal-MFA u diversi fergħat tal-istess assoċjazzjoni li huma involuti b’mod dirett fil-logħba tal-football, bħalma huma r-referees, il-plejers u coaches tal-football, koordinaturi loġistiċi u t-tmexxija tal-kampjonat premier u kampjonati domestiċi oħra.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima qal li l-introduzzjoni ta’ stewards professjonali fil-grawnds tal-futbol f’Malta hija pass importanti biex titjieb l-esperjenza sportiva fil-pajjiż. Huwa saħaq li b’dan il-pass, b’kollaborazzjoni mal-Malta Football Association, il-partitarji u l-plejers se jgawdu l-futbol f’ambjent professjonali.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà sostna li b’dan il-pass ser inkunu qegħdin noqorbu aktar lejn proċeduri prattiċi addottati f’pajjiżi Ewropej u madwar id-dinja li f’venues sportivi jkollok stewards li jieħdu ħsieb is-sigurtà.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Malta Football Association Bjorn Vassallo tenna li l-attendenza fi grawnd tal-futbol għandha tkun pjaċevoli u permezz ta’ dan it-titjib, l-uffiċjali tal-Pulizija ser ikunu jistgħu jiffukaw fuq ħidmiet speċifiċi oħra, filwaqt li l-istewards ser ikunu qegħdin jikkumplimentaw fil-prinċipji gwida ta’ sikurezza u sigurtà.