Pajjiżna għandu l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea biex jiddentifika u jimplimenta l-aqwa prattiċi fl-immaniġjar tal-iskart.
F’laqgħa fi Brussell mal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent Virginijus Sinkevičius, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia ddiskuta l-pjan tal-Gvern Malti għall-immaniġjar tal-iskart.
Il-Ministru Farrugia qal li l-Kummissjoni Ewropea se tagħti opportunità lil Malta tuża fondi biex pajjiżna jilħaq mal-miri ta’ pjan għall-immanġiġjar tal-iskart sal-elfejn u tletin.
“Illum allura kelli l-commitment mill-Kummissjoni Ewropea illi nużaw fondi speċjali biex jgħinuna fiż-żmien illi ġej biex Malta tilħaq l-aqwa prattiċi u t-targets illi għandna quddiemna.”, qal Farrugia.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-Gvern jirrikonoxxi li pajjiżna għad fadallu x’jaqdef biex jilħaq il-miri tiegħu għall-immaniġjar tal-iskart.
“Is-sistema tal-immaniġjar tal-iskart ta’ pajjiżna toffri diversi sfidi strutturali u ekonomiċi. Sal-aħħar ta’ din is-sena se jkollna strateġija għall-immaniġġjar tal-iskart, u qed naħdmu biex niżviluppaw infrastrutturi differenti li se jikkontribwixxu sabiex l-iskart li niġġeneraw isir riżorsa ġdida għal pajjiżna”, saħaq il-Ministru Aaron Farrugia.
Huwa saħaq li l-impjant li jiġġenera l-enerġija mill-iskart se jkun qed jgħin ħafna biex mill-iskart il-pajjiż jieħu xi ħaġa.
Dan filwaqt li spjega li qed jiġu żviluppati impjanti li kapaċi jiproċessaw materjal li jkun jista’ jiġi riċiklat.
Fi Brussell il-Ministru Farrugia u l-Kummissarju Ewropew tkellmu wkoll dwar il-viżjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq numru ta’ temi, fosthom il-pjan ambizzjuż tal-European Green Deal, l-ekonomija ċirkolari, l-ħarsien tal-ibħra u l-biodiversità.