Pajjiżna se jkun qiegħed jingħaqad ma’ esperti Ewropej biex jitfassal rapport dettaljat li minnu se joħorġu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex is-settur sportiv ikun parti mill-ħidma li qed issir lejn sostenibbiltà ambjentali.
Malta se tkun qed tipparteċipa f’dan il-grupp t’esperti Ewropej permezz tal-Professur Andrew Decelis, Direttur tal-Istitut għall-Edukazzjoni Fiżika u Sport tal-Università ta’ Malta.
Wara ħidma matul dawn l-aħħar sentejn, il-grupp ta’ esperti dwar Sport Ekoloġiku tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea, ħejjew u ppubblikaw rapport u rakkomandazzjonijiet li fihom jgħidu li l-għanijiet tal-European Green Deal jistgħu jintlaħqu biss jekk il-partijiet kollha tas-soċjetà jkunu involuti b’mod attiv, inkluż fis-settur tal-isport.
Ir-rapport ikompli jgħid li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma mistiedna jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għall-isport sostenibbli filwaqt li l-organizzazzjonijiet sportivi huma msejjħa biex ifasslu pjan ta’ sostenibbiltà ambjentali bħala parti mill-istrateġija ta’ żvilupp għall-isport partikolari tagħhom.