Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem b’entużjażmu dwar il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, li se jsiru f’pajjiżna s-sena d-dieħla. Dan waqt it-tnedija ta’ dawn il-logħob pjanati għal Mejju u Ġunju tal-2023.
Il-Prim Ministru tenna, “Malta qed tħares ’il quddiem biex f’Mejju tas-sena d-dieħla tilqa’ l-aqwa atleti tad-disa’ pajjiżi li jagħmlu dawn il-logħob. Pajjiżi li għalkemm żgħar fid-daqs għandhom ħafna x’joffru. Se tkun bla dubju ċelebrazzjoni ta’ talent fil-gżejjer Maltin”
F’messaġġ lil delegazzjonijiet Maltin u barranin, il-Prim Ministru saħaq kif il-ġmiel ta’ Malta u l-ospitalità se jkunu timbru ieħor ta’ dan l-avveniment bl-istess mod li se jkun is-suċċess sportiv innifsu.
Abela tenna, “M’hemmx dubju li se jkunu logħob li b’organizzazzjoni tal-ogħla livell u se nilqgħu bl-aqwa mod lil dawk il-mijiet li se jżuru pajjiżna għalihom. Din hi t-tielet darba li pajjiżna se jospita dawn il-logħob u qed naħdmu biex ikunu l-aqwa.”
Il-Prim Ministru spjega kif qed isir investiment biex bħala pajjiż noffru l-aqwa faċilitajiet. Uħud ġodda u oħrajn imtejba ħafna.
Hawnhekk spjega, “Qed ngħinu lill-atleti tagħna biex ikunu preparati iktar minn qatt qabel. L-investiment fl-atleti beda sa minn kmieni u hu wieħed rekord.”
Kien hawn li l-Prim Ministru spjega kif l-esperjenza li se toffri Malta se jieħu pjaċir biha kulħadd u se tħalli marka pożittiva fil-karriera tal-atleti tagħna u dawk li ġejjin fostna għal dawn il-Logħob.
Temm jgħid, “Inħares ’il quddiem biex Malta tqum għall-okkażjoni u toħroġ bl-unuri.”