Is-sena d-dieħla Malta se tkun qed tospita l-CAPA World Aviation Outlook Summit 2019, flimkien mal-CAPA Global Aviation Awards for Excellence Gala Dinner.
CAPA hija entità tal-avjazzjoni influwenti ħafna, u tgħin lill-partijiet u negozji ewlenin fis-settur tal-avjazzjoni bl-informazzjoni marbuta mal-mexxejja tal-industrija. Dan bil-għan li jevolvi dan is-settur tant importanti għall-ekonomija, trasport u turiżmu.
Dan is-Summit se jilqa’ għadd ta’ mexxejja tal-linji tal-ajru minn madwar id-dinja u bosta kbarat mill-industrija tal-avjazzjoni.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi qal ma one.co.mt li “llum Malta qiegħda tistabbilixxi lilha nfisha wkoll globalment, bħala nazzjon ewlieni għall-innovazzjoni, u l-eċċellenza f’bosta setturi, u dan huwa rifless fis-settur tal-avjazzjoni. Is-settur tal-avjazzjoni ta’ Malta huwa minn ta’ quddiem fil-manutenzjoni, reġistrazzjoni tal-inġenji tal-ajru, kiri, finanzi kif ukoll ekwipaġġ u taħriġ fit-titjir”.
Imwaqqafa fl-1990, il-CAPA, Center for Aviation hija bbażata f’Sydney u hija l-fornitur ewlieni tal-għarfien dwar is-suq tal-avjazzjoni indipendenti, u teccella fuq analiżi u servizzi tad-data, li jkopru żviluppi madwar id-dinja kollha.
Bla dubju, pajjiżna qed ikun imsemmi bħala ċentru professjonali u organizzat loħistikament, li kapaċi jospita konferenzi, laqgħat u avvenimenti minn madwar id-dinja, li bla dubju jkomplu jgħolli l-profil ta’ pajjiżna f’setturi differenti.