Malta se tospita s-sitt Summit għall-Pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Ewropa f’Ġunju li ġej. Dan wara li kienet iffirmata dikjarazzjoni mill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-mexxejja ta’ Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall u Spanja waqt summit f’Nicosia, Ċipru, it-Tlieta filgħaxija.
Matul is-summit, il-mexxejja ddiskutew soluzzjonijiet fit-tul għal kwistjonijiet jolqtu lill-Unjoni Ewropea u r-Reġjun Mediterranju.
Il-mexxejja preżenti qablu li r-responsabbiltà dwar il-migrazzjoni għandha tintrefa’ minn kulħadd u għandha tirrifletti l-politika tal-migrazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tas-Sistema Ewropea Komuni għall-Ażil. Innotaw li l-inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar snin, ġie rreġistrat tnaqqis fl-immigrazzjoni illegali mal-fruntieri.
Il-Prim Ministru Muscat qal li l-pajjiżi Mediterranji jridu jkunu magħqudin dwar l-immigrazzjoni, u li ma jistgħux jinħloqu differenzi bejniethom meta jinsabu fuq l-istess naħa tal-munita.
Il-mexxejja saħqu wkoll li għandha tiżdied il-koperazzjoni mal-imsieħba barra mill-Ewropa, bħall-Affrika, fosthom fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.
Qalu li huwa kruċjali li jkun implimentat il-Pjan t’Azzjoni tal-Belt Valletta li tfassal fl-elfejn u ħmistax, billi jkun imġedded il-Fond Ewropew ta’ Emerġenza għall-Afrika u jkun ikkordinat aktar appoġġ ma’ għaqdiet bħall-UNHCR u l-IOM.
It-tisħiħ tar-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi Għarab ukoll ingħata importanza, u se jkun diskuss fis-Summit bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li se jsir ix-xahar id-dieħel. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-unjoni kien innutat b’dispjaċir iżda b’rispett.