Għall-ewwel darba fl-istorja, l-Assoċjazzjoni tal-Isport Akwatiku ta’ Malta (ASA) se tospita l-finali tal-aħħar erbgħa timijiet (Final Four) tal-Waterpolo Champions League tal-irġiel għal tliet snin, fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq.
Malta ntgħażlet wara li l-offerta li saret mill-ASA kienet tissodisfa r-rekwiżiti kollha ewlenin tal-Federazzjoni Ewropea għall-Isport Akwatiku u għandha l-appoġġ sħiħ tal-Gvern Malti bil-kollaborazzjoni ma’ SportMalta u VisitMalta.
Il-Ministru Clifton Grima qal li dan huwa riżultat pożittiv ieħor tal-ħidma tal-gvern flimkien mal-assoċjazzjonijiet sportivi. Tenna li l-Gvern kommess li jkompli jgħin lill-isport Malti b’kull mezz biex dan is-settur ikompli jikber.
“Huwa ta’ sodisfazzjon li pajjiżna qed ikun magħżul biex isiru avvenimenti internazzjonali sportivi, xhieda tal-professjonalità f’dan is-settur, il-kwalità għolja ta’ infrastruttura sportiva li għandna u wkoll għaliex qed inkunu kkunsidrati li għandna dak kollu li huwa rikjest biex avvenimenti sportivi ta’ dan il-livell isiru f’pajjiżna,” qal il-Ministru Grima.
F’dan il-kampjonat, li beda fl-1963, jieħdu sehem l-aqwa timijiet minn madwar l-Ewropa u hija l-aktar kompetizzjoni prestiġġjuża tal-klabbs tal-waterpolo professjonali tal-kontinent.
Il-President tal-ASA Karl Izzo qal, “Li torganizza avveniment bħall-Waterpolo Champions League Final Four huwa ta’ unur għal gżira żgħira bħal Malta. Aħna kuntenti ħafna li ngħatajna din l-opportunità mill-Federazzjoni Ewropeja għall-Isport Akwatiku biex norganizzaw avveniment ta’ prestiġju bħal dan.”
L-istaġun tal-kwarti tal-finali taċ-Champions League tal-irġiel tal-2023/24 jibda’ f’Marzu, u jara tmien timijiet jissieltu għal post mal-aħħar erbgħa. Dan l-avveniment sportiv se jsir mis-6 sat-8 ta’ Ġunju fil-Pixxina Nazzjonali.
Il-Viċi President tal-Ligue Européenne de Natation, Josip Varvodic qal: “Malta hija magħrufa sew għall-imħabba tagħha lejn il-waterpolo u l-aqwa plejers minn madwar id-dinja jiġu Malta biex jilgħabu fil-klabbs lokali fil-kampjonat tas-sajf. Mingħajr dubju Malta se tkun ospitant eċċellenti għall-Final Four tal-Champions League tal-irġiel.”