Malta se tospita l-laqgħa li jmiss tal-MED5, wara qbil bejn il-Ministri waqt summit li sar fl-Italja. Għal din il-laqgħa għolja, li saret f’Napli, attenda f’isem pajjiżna l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
Flimkien mal-Ministru Malti, kien hemm il-Ministri responsabbli mill-Intern, il-Migrazzjoni u l-Ażil ta’ Ċipru, il-Greċja, l-Italja u Spanja. Kien hemm preżenti wkoll il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni u l-Migrazzjoni, Magnus Brunner.
Il-Ministru Camilleri nnota kif Malta għamlet titjib kbir f’dawn l-aħħar snin biex tindirizza l-isfida marbuta mal-migrazzjoni irregolari.
Intqal kif, is-sena l-oħra, Malta rreġistrat tnaqqis ta’ 93% fin-numru ta’ wasliet irregolari meta mqabbel ma’ ħames snin ilu, filwaqt li r-rata ta’ ritorni kienet qed tiżdied b’mod konsiderevoli sena wara sena.
Il-Ministru enfasizza li hemm relazzjoni diretta bejn in-numru ta’ wasliet irregolari u r-rata ta’ ritorni, filwaqt li nnota kif dawn l-isforzi se jkomplu jissaħħu permezz tal-implimentazzjoni ta’ patt milħuq f’dan is-summit.
Innota wkoll kif il-pajjiżi tal-MED5 qed jieħdu responsabbiltajiet sinifikanti u, għalhekk, hemm bżonn li jiġi żgurat li l-isfidi li jiffaċċjaw il-pajjiżi Mediterranji fuq il-fruntiera Ewropea jiġu kkunsidrati sew.
Il-Ministru Camilleri nnota kif id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni hi kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi, li jeħtieġu sforzi akbar fl-oqsma tal-prevenzjoni u r-ritorn.
Hu laqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta għal Regolament tar-Ritorn imnedija mill-Kummissjoni f’Marzu li, fost elementi oħrajn, tespandi d-definizzjoni tal-pajjiż ta’ ritorn biex tippermetti, b’mod ċar, l-istabbiliment ta’ ċentri ta’ ritorn f’pajjiżi terzi, l-introduzzjoni ta’ obbligi għal dawk li jirritornaw biex jikkoperaw mal-awtoritajiet u konsegwenzi ċari f’każ ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni.