Is-sena d-dieħla Malta se tospita l-Forum Dinji għall-Kultura tal-Paċi. Dan tħabbar mill-President George Vella meta l-Ħamis filgħodu kien qed jindirizza l-ewwel edizzjoni ta’ dan il-Forum li saret f’The Hague, l-Olanda.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni li qed torganizza din il-konferenza Abdulaziz Saud Albabtain aċċetta l-offerta ta’ Dr Vella biex is-sena d-dieħla l-Forum isir taħt il-patronċinju tal-President, bit-tema tal-Paċi u l-Wirt Kulturali tas-Sirja u l-Libja. Meta kien qed jiftaħ il-Forum, il-President Vella saħaq fuq il-ħtieġa tal-paċi fid-dinja bil-għan li jonqsu l-kunflitti u l-vjolenza fil-konfront ta’ individwi, gruppi u xi kultant pajjiżi sħaħ.
Emfasizza biex il-politiċi jippromwovu l-edukazzjoni għall-paċi. Qal li kulħadd għandu jkollu dritt għall-edukazzjoni biex ikollu dinjità u jifhem iħaddem il-valuri tad-djalogu u s-solidarjetà. Il-President Vella qal dan fil-kuntest tal-isfidi li qed tiffaċċja d-dinja minħabba l-kunflitt li qed jifnu pajjiżi bħas-Sirja, il-Libja u l-Yemen.