Għat-tmien darba l-Malta Pool Association ser torganizza l-European Eight Ball Pool Championships Malta 2020 f’pajjiżna li se jsiru bejn is-16 u l-21 ta’ Frar fid-Dolmen Hotel, il-Qawra.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima, filwaqt li awgura lid-49 plejer li ser jieħdu sehem f’dan il-kampjonat, saħaq li huwa ta’ unur għal Malta li qed tospita avveniment kbir bħal dan. Kompla jgħid li din l-assoċjazzjoni, u anke dan l-isport, dejjem kiteb paġni tad-deheb fix-xena internazzjonali.
Malta ser tkun irrappreżentata minn għaxar timijiet; Irġiel A, Irġiel B, Irġiel Ċ, żewġ timijiet A u B fil-kategorija taż-żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena, żewġ timijiet A u B fil-kategorija taż-żgħażagħ taħt it-23 sena, żewġ timijiet A u B fil-kategorija tat-timijiet ta’ plejers akbar minn 50 sena u tim fil-kategorija ta’ plejers akbar minn 60 sena.
Il-kampjonat ser jinkludi tmien kategoriji li huma tal-Irġiel A, Irġiel B, Irġiel Ċ, Nisa, Żgħażagħ taħt it-18-il sena, Żgħażagħ taħt it-23 sena, kategorija għall-plejers akbar minn 50 sena u kategorija għall-plejers akbar minn 60 sena. Barra l-kampjonati tat-timijiet, fl-istess perjodu ser jintlagħbu l-kampjonati individwali Ewropej għall-kategoriji tal-Irġiel, Nisa, Żgħażagħ taħt it-18-il sena, Żgħażagħ taħt it-23 sena u għall-kategorija ta’ plejers akbar minn 50 sena.
F’dawn il-kampjonati ser jieħdu sehem mhux anqas minn 11-il pajjiż fosthom il-Belġju, Ċipru, Franza, l-Ingilterra, l-Irlanda, l-Irlanda ta’ Fuq, Malta, Portugall, Skozja, Wales u l-Marokk bħala mistiedna speċjali. L-aqwa plejers Ewropej, li jinkludu diversi plejers professjonisti, ser ikunu f’pajjiżna.
Id-direttur tal-kampjonati Ewropej ser ikun Vincent Degiorgio li huwa s-segretarju tal-Malta Pool Association kif ukoll teżorier tal-European Eight Ball Pool Federation u l-World Eight Ball Pool Federation.
Il-ftuħ tal-kampjonati ser issir nhar il-Ħadd 16 ta’ Frar biċ-ċeremonja tal-ftuħ tibda fl-10:30 ta’ filgħodu. Il-logħob tal-kampjonati jibda l-Ħadd f’nofsinhar u jibqa’ sejjer sal-Ġimgħa meta jintlagħbu l-finali tal-kategoriji kollha. Il-preżentazzjoni tal-unuri ser issir il-Ġimgħa 21 ta’ Frar filgħaxija. Il-kampjonati ser ikollhom fond ta’ premjijiet ta’ mhux anqas minn € 24,000.
Id-dħul għall-kampjonati ser ikun b’xejn.