Malta se tospita r-raba’ kungress tax-xorta tiegħu, li jinvolvi s-settur tas-sajd fuq skala żgħira.
F’konferenza tal-aħbarjiet fl-MCAST, f’Raħal Ġdid, fejn se jsir dan il-kungress, ġie spjegat li dan il-forum transdixxiplinari se jagħti ħarsa lejn diversi temi marbuta mas-settur tas-sajd fuq skala żgħira.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd u l-Akwakultura, Alicia Bugeja Said, qalet li f’pajjiżna tlieta u disgħin fil-mija ta’ dawk li jaħdmu fis-sajd huma sajjieda fuq skala żgħira.
Għalhekk, dan il-kungress se jkun utli sabiex wieħed isemma’ leħnu, b’mod speċjali fid-dawl tad-diversi sfidi li qed jaffaċċjaw is-sajjieda madwar id-dinja.
Qalet li l-kungress se jservi ta’ opportunità sabiex jintlaqgħu numru ta’ esperti fis-settur tas-sajd, li żgur mhux forsi se jkunu qed jaqsmu soluzzjonijiet u prattiki ġodda li jistgħu jintużaw f’pajjiżna.
“Ġejjin mhux inqas minn mija u ħamsin akkademiku minn madwar id-dinja kollha sabiex aħna wkoll nitgħallmu mingħandhom xi prattiċi nistgħu aħna nadottaw sabiex f’pajjiżna nkomplu nassiguraw is-sostenibbilità tas-sajjieda tagħna.”
Intant, Matthew Laspina, li huwa maniġer fid-Dipartiment tal-Akwakultura, stqarr li s-settur tas-sajd f’pajjiżna jaffaċċja sfidi bħalma jaffaċċjaw sfidi s-sajjieda madwar il-bqija tad-dinja.
Huwa qal li, permezz ta’ dan il-kungress, esperti u ħaddiema barranin fis-settur jistgħu jkunu ta’ għajnuna sabiex uħud minn dawn l-isfidi jiġu indirizzati.
“Waħda mill-ikbar sfidi li bħalissa qed naraw hija li ħafna mis-sajjieda huma kbar fl-età. Dan il-kungress jista’ jgħinna biex niddiskutu aktar fuq inċentivi ġodda ta’ kif nistgħu indaħħlu aktar sajjieda f’dan is-settur.”
Il-kungress se jsir bejn it-tnax u l-erbatax ta’ Settembru u, kull min għandu x’jaqsam mas-settur tas-sajd, huwa mħeġġeġ jipparteċipa.