Pajjiżna se jospita s-17- il konferenza tal-Presidenti tal-Parlamenti tal-Istati Żgħar Ewropej, li se ssir is-sena d-dieħla.
F’isem l-Ispeaker Anġlu Farrugia, id-Deputat Speaker David Agius ipparteċipa fl-aħħar ġurnata tal-Konferenza tal-Presidenti, fil-Lussemburgu.
Id-Deputat Speaker iltaqa’ ma’ Oleksandr Korniyenko, l-Ewwel Viċi Kap tal-Parlament Ukren. Flimkien tkellmu dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Ukrajna wara 482 jum ta’ gwerra. Korniyenko, f’isem il-President Volodymyr Zelensky, stieden lill-Presidenti tal-Parlament tal-Istati Żgħar biex iżuru l-Ukrajna fil-ġimgħat li ġejjin.
Id-Deputat Speaker David Agius qal li Malta se tkompli tappoġġja lill-Ukrajna u li, bħala membru tal-Unjoni Ewropea, pajjiżna se jaħdem biex isaħħaħ l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea lejn l-Ukrajna.
Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament tal-Istati Żgħar Ewropej ġiet fi tmiemha bl-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni finali tal-Konferenza.