Bejn is-17 u l-20 ta’ Ottubru, se jkun hawn f’pajjiżna mal-200 delegat minn madwar 40 reġistratur nazzjonali ta’ pajjiżi barranin u minn istituzzjonijiet internazzjonali kbar, bħall-Bank Dinji, il-Kummissjoni Ewropea u l-Moneyval, fost oħrajn, biex jiddiskutu r-regolamentazzjoni tal-kumpaniji fil-pajjiżi rispettivi u l-koperazzjoni multilaterali.
Dawn il-laqgħat għolja tal-Corporate Registers Forum se jsiru fil-kwartieri tal-Malta Business Registry fiż-Żejtun, wara li Malta ntagħżlet fi proċess rigoruż biex tkun tista’ tospitahom.
“Ħa niltaqgħu hawn Malta speċifikament biex niddiskutu suġġetti li, għalina jistgħu jkunu ta’ sfidi, u suġġetti oħrajn fejn ċerti reġistri jistgħu jkunu mxew aktar minn oħrajn. Is-suġġetti se jkunu jinkludu d-diġitalizzazzjoni, ħasil ta’ flus u kif bħala, reġistri ta’ kumpaniji, aħna rridu ngħinu fl-investigazzjonijiet li jridu jsiru kemm fuq bażi lokali kif ukoll fuq bażi internazzjonali.”
Il-Corporate Registers Forum hi assoċjazzjoni ta’ reġistri nazzjonali tal-kumpaniji, miftuħa għal aġenziji tal-gvernijiet u l-uffiċjali tagħhom responsabbli għall-amministrazzjoni fir-reġistrar tal-kumpaniji.
Il-laqgħat fostna se jagħtu l-opportunità lill-istakeholders internazzjonali biex jaqsmu l-esperjenza tal-pajjiżi rispettivi u żviluppi lokali u internazzjonali, waqt li jimitigaw l-aħjar mezzi għall-preżent u l-futur fis-sistemi ta’ reġistrazzjoni ta’ kumpaniji.
“Se nkunu qed inlaqqgħu ’l fuq minn 200 delegati internazzjonali ġewwa l-binja tagħna fiż-Żejtun. Il-preparamenti ilhom għaddejjin ġmielhom, mil-lat ta’ loġistika, f’komunikazzjoni kontinwa mad-delegati biex inkunu nistgħu ntejbu t-tagħlim u l-esperjenzi.”
“Ħa nkunu qegħdin nilqgħu għadd ta’ negozji mill-qasam diġitali li l-operat tagħhom jgħinu lir-reġistri li ħa jkunu b’mod attiv qed jipparteċipaw fil-konferenza.”
L-ewwel forum simili kien tlaqqa’ f’Auckland, New Zealand, fl-2003 fejn dakinhar iltaqgħu 13-il ġurisdizzjoni.