Il-Presidenza Maltija ġejja fi żmien eċċellenti biex l-Unjoni Ewropea terġa’ tħares lejn il-baħar Mediterranju bħala baħar Ewropew, bl-opportunitajiet u l-isfidi kollha li jġib miegħu. Hekk saħqet ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Federica Mogherini, fl-ewwel żjara uffiċjali f’pajjiżna.
Mogherini aċċennat dwar l-irwol ċentrali li se jerġa’ jingħata lil pajjiżna biex l-Ewropa tingħaqad man-nofsinhar tal-Afrika u flimkien mhux biss jinstabu soluzzjonijiet għall-immigrazzjoni llegali iżda wkoll tinħoloq kultura ta’ skambji ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ u jinħolqu opportunitajiet ta’ sħubija oħra. F’ konferenza tal-aħbarijiet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni sostniet li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali qed tħalli l-ewwel riżultati.
Mogherini saħqet li l-Unjoni Ewropea fl-aħħar qed tinduna li l-għaqda bejn iż-żewġ kontinenti hija ċ-ċavetta għall-futur paċifiku u b’hekk saħqet fuq l-importanza li l-baħar Mediterran ma jibqax żona li jara’ l-kaos u l-imwiet iżda jkun sors ta’ kooperazzjoni.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, George Vella stqarr li l-laqgħa tiegħu ma’ Mogherini kienet opportunità ta’ diskussjoni formali dwar il-prijoritajiet ewlenin tal-Presidenza Maltija u xhinuma r-riżultati mixtieqa fl-aħħar tat-terminu. Vella ngħaqad ma’ Mogherini u sostna li issa iktar minn qatt qabel hija evidenti li l-istabilità u s-sigurtà tal-Ewropa hija dipendenti wkoll fuq is-sitwazzjoni fil-Mediterran. Għaldaqstant il-Presidenza Maltija se tagħti spinta u tiġbed l-attenzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-promblemi politiċi, ambjentali u ekonomiċi tal-Mediterran.