Malta se tmexxi lil Stati Membri tal-Unjoni Ewropea oħra biex ikun irratifikat il-ftehim dwar Sħubija bejn l-U.E u l-Ġappun. Dan tħabbar mill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt diskussjonijiet mal-Prim Ministru Ġappuni Shinzo Abe, li fost oħrajn tefgħu dawl fuq relazzjonijet kummerċjali u ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi.
Permezz ta’ dan il-ftehim, iktar prodotti mill-Ġappun se jkunu jistgħu jiddaħħlu fis-Suq Ewropew, u prodotti Maltin se jkunu jistgħu jidħlu fis-Suq Domestiku Ġappuniż. Fl-istess ħin, Malta u l-Ġappun iddiskutew il-possibiltà li Malta tibda tesporta prodotti agrikoli bħal majjal u tadam.
Il-Prim Ministru Muscat innota ukoll kif l-ammont ta’ student Ġappuniżi li qed jiġu Malta biex jistudjaw l-Ingliż qiegħed jiżdied, u issa se jkollhom ukoll ċans li jsibu mpjieg f’pajjiżna. Muscat qal li huwa sodisfatt li għandu l-appoġġ tal-Prim Ministru Ġappuniż fil-ftehmiet hemm għaddejja bejn Malta u diversi korporazzjonijiet fil-Ġappun għal iktar investiment bejn iż-żewġ pajjiżi, biex, skont Muscat, il-Ġappun se jkollu sieħeb onest u b’interessi komuni f’Malta.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Shinzo Abe qal li ż-żjara tal-Prim Ministru Malti f’pajjiżu kienet waħda ta’ suċċess li kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi, u tkellem dwar il-kollaborazzjoni bejniethom rigward Il-Liġi Marittima Internazzjonali.