L-avukat Charlon Gouder, li huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ Aquaculture Resources Limited, ġie nnominat biex imexxi l-Kumitat għat-Tonn tal-Federazzjoni Ewropea tal-Produtturi tal-Akwakultura għat-tliet snin li ġejjin.
Huwa ġie nnominat fil-laqgħa ġenerali annwali tal-Federazzjoni f’Budapest, l-Ungerija. Spanja se jkollha l-Viċi Chairperson ta’ dan il-kumitat.
Din se tkun l-ewwel darba li l-produtturi tat-tonn Ewropej u internazzjonali se jingħaqdu biex isaħħu l-ħidma tagħhom.
Fil-fatt, l-għan ewlieni ta’ dan il-kumitat huwa li jiddefendi l-interessi tal-membri tiegħu, speċjalment fid-dawl ta’ żieda fil-kwoti tat-tonn, li m’għadux meqjus f’riskju ta’ estinzjoni.
Gouder qal li bl-irwol importanti li se jkun qed jokkupa, se jagħmel żgur li leħen Malta jibqa’ jinstema’ f’settur tant importanti għal Malta. Huwa enfasizza li jridu jkunu assigurati kundizzjonijiet ekwi fost il-produtturi differenti.
Gouder qal, “Dan huwa ċertifikat tax-xogħol kbir li sar f’pajjiżna. Malta għandha isem, Malta għandha reputazzjoni, u minħabba dan l-isem u minħabba din ir-reputrazzhjni, Malta għall-ewwel darba kisbet biex għat-tliet snin li ġejjin tmexxi dan il-kumitat importanti ħafna fuq sfera Ewropea sabiex tirrappreżenta lill-industrija tat-tonn. Se jiġi perjodu fejn irridu niġġestixxu kwoti ġodda fejn tidħol il-kwota tat-tonn, u allura f’dawn it-tliet snin hekk importanti li għandna quddiemna, b’dan il-programm ta’ ħidma, Malta se jkollha din l-opportunità li tkun leader.”
Malta daħlet fil-Federeazzjoni Ewropea tal-Prodotturi tal-Akwakultura s-sena li għaddiet b’industrija li hija stmata li tlaħħaq il-kwart ta’ biljun ewro fis-sena.