Malta se tkun waħda minn 192 pajjiż li se jieħdu sehem fl-Expo 2020 li se jsir f’Dubai.
Imtella’ kull ħames snin fuq perjodu ta’ sitt xhur, l-Expo hija l-akbar avveniment internazzjonali f’termini ta’ skala, tul ta’ żmien u attendenza tal-viżitaturi. Hija ġabra globali ta’ nazzjonijiet li tiffoka fuq temi speċifiċi marbuta mal-iżvilupp tal-bniedem u tenfasizza l-progress xjentifiku, teknoloġiku, ekonomiku u soċjali.
Malta sa issa pparteċipat fi tliet expos mis-sena 2000 u din se tkun it-tieni darba li se tilqa’ l-padiljun tagħha stess, bi programm mimli avvenimenti mifruxa fuq is-sitt xhur kollha.
Waqt Business Breakfast li tratta l-parteċipazzjoni ta’ pajjiżna f’dan l-expo kienu bosta l-imsieħba soċjali li faħħru l-parteċipazzjoni ta’ pajjiżna f’dan l-Expo.
Anthony David Gatt mill-Malta Enterprise wasslilna aktar dettalji dwar dan l-expo.
“L-irwol ta’ Malta jkun li nuru Malti x’inhi. We update impressions about the country. Nagħtu l-informazzjoni dwar l-industriji differenti li qed inqajjmu l-quddiem bħala pajjiż iżda wkoll nieħdu opportunità sabiex nitkellmu ma’ pajjiżi oħrajn u kumpaniji li jistgħu jkunu interessati li joperaw minn pajjiżna.”
Il-Ministru għall-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Dr Miriam Dalli tenniet l-importanza li nipparteċipaw f’din l-opportunità ta’ sitt xhur għaliex pajjiżna jista’ jirbaħ biss minnha.
“L-iktar messaġġ importanti li qegħdin ngħaddu huwa li pajjiżna huwa miftuħ għall-business. Irridu nattiraw intrapriża ġodda investimenti ġodda u niċeċ ekonomiċi ġodda. Ser inkunu qegħdin nuru wkoll aħna x’kapaċi noffru u nemmen li din hija opportunità ta’ 6 xhur li pajjiżna jista’ jirbaħ minnha.”