Malta se tintervjeni f’kawża li l-Kummissjoni Ewropea fetħet dwar liġi li daħlet fis-seħħ fl-Ungerija u li qed titqies mill-bqija tal-Unjoni bħala waħda kontra d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ+.
Dan tħabbar fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Ugwaljanza, li fiha ġie spjegat li dan il-każ jinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Dan il-każ jikkonċerna liġi fl-Ungerija, immexxija mill-Prim Ministru Viktor Orban, li tipprojbixxi milli ssir referenza għal persuni ta’ identità LGBTIQ+ f’kontenut li huwa mmirat għal individwi ta’ inqas minn tmintax-il sena.
Fil-fehma tal-Kummissjoni Ewropea, din il-liġi tikser id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni, u l-informazzjoni, id-dritt għar-rispett lejn il-ħajja privata kif ukoll id-dritt li ħadd m’għandu jkun diskriminat – li huma drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
ONE News tkellem mas-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, li qalet li ttieħdet id-deċiżjoni li Malta tingħaqad ma’ Stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea biex tappoġġa l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’dan il-każ. Hija fakkret li Malta hija l-pajjiż fl-Unjoni bl-aktar liġijiet u politika favur l-ugwaljanza; pajjiż li għal seba’ snin konsekuttivi baqa’ fil-quċċata tar-Rainbow Map tal-organizzazzjoni Ewropea għad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+.
“Fid-dawl ta’ anki deċiżjonijiet u dikjarazzjoni li saret fl-2021, fejn bħala pajjiż tennejna l-appoġġ tagħna lill-istituzzjonijiet Ewropej f’kawżi legali li jieħdu sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, ħassejna li huwa d-dmir tagħna bħala pajjiż illi nidħlu nappoġġjaw lill-Kummissjoni Ewropea f’dan il-każ, illi qed naraw ksur ta’ drittijiet tal-bniedem fi Stat membru ieħor. Għaldaqstant, aħna, bħala pajjiż illi nixprunaw dan il-messaġġ ta’ ugwaljanza u inklużjoni fuq livell mhux biss lokali iżda anki Ewropew, ħassejna li huwa d-dmir tagħna illi nappoġġjaw l-istituzzjonijiet Ewropej biex insostnu l-valuri Ewropej.”