Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija tal-logħob digitali Exient Dave Hawkns, li ilha topera f’Malta għal dawn l-aħħar ħames snin qal li huwa ottimist li jara lil Malta tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fil-qasam tal-logħob diġitali.
Is-Sur Hawkins qal dan waqt żjara li s-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri għame lill-ħaddiema bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem.
“Malta can really take the video games sector in the right way. The initiatives that we are starting to hear about are really exciting and if those follow through, I think Malta is going to be an amazing place to develop games”
Is-Segretarju Parlamentari qal li f’Malta hawn ħmistax-il kumpanija tal-logħob diġitali li bejniethom iħaddmu mitejn persuna.
Qal li dan is-settur mistenni jkompli jikber permezz ta’ strateġija għal-logħob diġitali li se titnieda fil-jiem li ġejjin. Qal li din l-istrateġija li ġiet approvata mill-Kabinett se tiġbed aktar kumpaniji lejn Malta. Dan bil-għan li l-impjiegi ta’ kwalità li joffri s-settur jiżdiedu minn mitejn għal elfejn impjieg.
Qal li fil-jiem li ġejjin se jitħabbar isem ta’ kumpanija rinomata f’dan is-settur li mistennija tiftaħ il-bibien tagħha f’Malta.
“Qed nimmiraw li nkomplu nkabbru dan is-settur. Bħalissa dan is-settur jirrapreżenta 0.1 fil-mija tal-ekonomija, l-idea hija li fi żmien għaxar snin dan is-settur jikber 1 fil-mija”
Qal li l-Gvern qed jaħdem mal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija l-MCAST biex aktar żgħażagħ Maltin jaħtfu l-opportunitajiet li joffri dan is-settur kreattiv.
“Ħa nkunu qed nelevaw dil-kwalità ta’ taħriġ li jsir fuq livell internazzjonali”
Dan ifisser li l-istudenti Maltin se jkunu ppreparati biżejjed biex jaħdmu f’dan is-settur li jħallas tajjeb ħafna.
“Issa jmiss li nagħmlu l-livell li jmiss, li l-Maltin jibdew jibbenefikaw minn din l-industrija”