Ġie ppreżentati abbozz ta’ liġi li jipprovdi għal emendi fl-Att dwar il-Gvern Lokali li, bis-saħħa tagħhom, żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena jkunu jistgħu jokkupaw ir-rwol ta’ Sindku jew Viċi Sindku jekk jiksbu l-fiduċja tal-elettorat.
B’dawn l-emendi, se jkun permess għalhekk li żgħażagħ taħt it-18-il sena, li jikkontestaw u jiġu eletti fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali bl-akbar ammont ta’ voti, jassumu r-rwol ta’ Sindku, u bit-tieni l-akbar ammont bħala Viċi Sindku.
B’hekk Malta se tkun l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn persuna taħt is-18-il sena tista’ tiġi eletta Sindku.
Fil-fatt, fl-Unjoni Ewropea, l-Awstrija biss hi l-uniku pajjiż ieħor fejn persuna ta’ 16-il sena tista’ tivvota fl-Elezzjonijiet Lokali, iżda ma tistax tikkontesta bħala kandidat.
Malta, għalhekk, hi l-ewwel pajjiż fl-UE fejn persuna ta’ 16-il sena tista’ tivvota, toħroġ għall-Elezzjonijiet Lokali u, għall-ewwel darba, issa jekk din il-persuna ġġib l-akbar ammont ta’ voti mill-Partit li jġib il-maġġoranza tal-voti, tkun eletta wkoll Sindku.
Dan l-abbozz se jkun qed jipprovdi wkoll, fost emendi konsegwenzjali oħrajn, li Sindku jew Viċi Sindku bejn is-16 u t-18-il sena jkun jista’ jwettaq atti tal-ħajja ċivili meta jkun qed jidher fuq dak l-att fil-vesti ta’ Sindku jew Viċi Sindku.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li dan l-abbozz ta’ liġi kien fost il-wegħdi elettorali tal-manifest ‘Malta Flimkien’.
Hu żied jgħid li dan l-abbozz hu vot ta’ fiduċja b’saħħtu mmens fiż-żgħażagħ ta’ pajjiżna li se jkompli jibni fuq ir-riformi importanti li sarru fis-snin li għaddew.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li kienet preżenti, qalet li l-Gvern impenjat biex fil-ġimgħat li ġejjin jiskatta proċess ta’ diskussjoni mal-imsieħba ewlenin tal-Gvernijiet Lokali bil-għan li jkun hemm programmi ta’ mentoring ħalli kull min jiġi elett iservi fil-kunsilli lokali jkun konxju tal-obbligi u d-dmirijiet li jkun daħal għalihom irrispettivament mill-età.