Malta se tkun minn tal-ewwel fid-dinja li se twaqqaf awtorità li tkun iffokata speċifikament fuq l-azzjoni dwar il-klima, xi ħaġa li tpoġġi lil pajjiżna fuq quddiem fil-ħidma kontra din l-isfida globali. Dan intqal mill-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, waqt konferenza bit-tema ‘ClimateON: Today’s Legacy’.
Din il-konferenza saret bħala parti mill-proċess ta’ djalogu nazzjonali li hu meħtieġ biex il-pajjiż jagħmel il-parti tiegħu quddiem din l-isfida globali bħala poplu wieħed magħqud.
Qalet, “Irridu awtorità li tkun qegħda tiġbor flimkien policies differenti, li tkun qegħda tiġbor flimkien azzjonijiet differenti li jistgħu verament jindirizzaw il-klima.”
Din l-awtorità tħabbret waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, li preżenti għaliha kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, f’Lulju li għadda.
F’din il-konferenza kien hemm preżenti bosta msieħba soċjali minn oqsma differenti, fosthom anke akkademiċi, xjenzati, is-settur pubbliku u dak privat, żgħażagħ u għaqdiet.