Irridu nkomplu nwasslu l-messaġġ li l-isport huwa għal kulħadd filwaqt li għandu jkun parti mil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Dan kien il-messaġġ ta’ mart il-Prim Ministru u l-President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela f’artiklu opinjoni fil-gazzetta the Sunday Times.
Dr Lydia Abela bdiet l-artiklu tagħha billi rrimarkat kif fl-aħħar ġimgħat, l-isport u s-sinifikat warajh ddomina l-aġenda nazjonali tal-pajjiż. Dan grazzi għas-suċċess tal-kontinġent Malti fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-Ewropa.
Kien hawn li Dr Lydia Abela rrimarkat is-suċċess tat-tim ta’ Special Olympics Malta fl-aħħar ġimgħat hekk kif ħadu sehem fl-Olimpjadi Speċjali f’Berlin fil-Ġermanja. Logħob li fihom it-tim Malti rebaħ b’kollox 32 midalja: 16 tad-deheb, 11 tal-fidda, u 5 tal-bronż.
Dr Abela sostniet li grazzi għad-dedikazzjoni mill-atleti u l-kowċis tat-tim ta’ Special Olympics Malta qed jiġi nnutat tkabbir u avvanz kuljum.
Mart il-Prim Ministru sostniet ukoll il-prinċipji li jsawru l-miri ta’ Special Olympics Malta, li jiġu pprovduti l-aqwa opportunitajiet lill-atleti mhux biss biex itejbu l-ħiliet tagħhom iżda wkoll li b’kuraġġ u determinazzjoni jesperjenzaw il-gost u l-għaqda li jġib miegħu l-isport.
Fil-fatt, Dr Abela nnutat il-mod li bih intlaqa t-tim ta’ Special Olympics Malta ftit tal-jiem ilu mal-wasla tagħhom lura f’pajjiżna.
Intant, ġie sostnut ukoll il-messaġġ li jibgħat Special Olympics Malta, dak li tagħti l-għalmu tiegħek kollox u li turi l-valur fl-abbiltajiet tiegħek.
Dr Lydia Abela għamlet ukoll aċċenn għall-logħob ta’ Special Olympics li saru f’pajjiżna s-sena li għaddiet u li wrew kif pajjiżna verament iħaddan il-prinċipju tal-inklussività.
Fl-artiklu tagħha Dr Abela temmet tgħid li dan il-pajjiż mhux se jħalli lil uliedu jaqgħu lura hekk kif dan il-Gvern jemmen li kulħadd għandu jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.
“Għalhekk pajjiżna se jibqa’ jaħdem favur aktar ugwaljanza u inklussività mhux biss fis-settur sportiv iżda f’kull livell u qasam tas-soċjetà. Mill-bankijiet tal-iskola sa fil-postijiet tax-xogħol.” temmet tgħid Dr Lydia Abela.