Konferenza li qed issir fil-Libanu għandha l-għan li tiżgura li d-djalogu bejn il-pajjiżi Għarab u Ewropej dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità jibqgħu għaddejjin u jkunu sostenibbli.
Il-konferenza f’Bejrut organizzata min-Nazzjonijiet Uniti u ġġib l-isem ta’ ‘It-Tranżizzjoni lejn Ħajja Indipendenti fi ħdan il-Komunità għal Persuni b’Diżabilità.’
F’indirizz li għamlet il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, hija qalet li, “huwa tassew ta’ unur għal Malta li tara dan l-ewwel riżultat tanġibbli li joħroġ mid-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta tal-2019, maħruġa wara l-EU-Arab High-Level Meeting dwar id-Drittijiet tad-Diżabilità.”
Prmezz tal-investiment ta’ €4.2 miljun f’assistenza personali lill-persuni b’diżabilità, Malta qed issaħħaħ l-impenn tagħha biex jgħixu ħajja aktar indipendenti.
Il-Ministru qalet li Malta se tkompli taġixxi bħala pont bejn il-pajjiżi Ewropej u Għarab, mhux biss fil-qasam tad-drittijiet tad-diżabilità, iżda wkoll fil-promozzjoni ta’ prattiċi tajbin fil-mixja lejn ħajja indipendenti fi ħdan il-komunità għal kulħadd.
Diversi pajjiżi qasmu l-esperjenzi tagħhom biex jingħelbu l-isfidi għall-għajxien indipendenti. Fost dawn, kien hemm l-esperjenzi ta’ Malta, il-Marokk u l-Ġordan. Ġew diskussi wkoll sfidi reġjonali komuni u kif jistgħu jiġu indirizzati.
Barra minn hekk ġiet preżentata riċerka minn riċerkaturi miż-żewġ reġjuni li jesploraw diversi sfidi u opportunitajiet għat-transizzjoni lejn ħajja indipendenti, liema riċerka se tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-ESCWA (United Nations Economic and Social Commission for Western Asia).
Ritratt ewlieni: sadhguru.org