Malta se tkompli tinċentiva start-ups innovattivi, li joffru karrieri ta’ kwalità u dħul b’saħħtu, partikolarment għaż-żgħażagħ u l-familji.
Dan tennieh il-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara fl-uffiċini tal-kumpaniji lokali Scope Solutions Malta u Dedaub, li huma bbażati fil-Life Sciences Park f’San Ġwann.
Waqt li ltaqa’ mal-ħaddiema u t-tmexxija tal-kumpaniji, il-Prim Ministru, li kien akkumpanjat mill-Ministru responsabbli mill-intrapriżi Silvio Schembri ngħataw id-dettalji dwar il-vjaġġ li wassal għall-ħolqien ta’ dawn il-kumpaniji u r-realtajiet li ffaċċjaw.
Il-Prim Ministru enfasizza dwar l-importanza ta’ skemi t’appoġġ mill-Malta Enterprise għal aktar karrieri ta’ kwalità fuq direzzjoni li ta l-Gvern għal tkabbir simili f’oqsma li jistgħu jsaħħu l-valur miżjud tal-ekonomija Maltija.
Scope Solutions tipprovdi s-servizzi tagħha lil kumpaniji f’diversi setturi, fosthom accounting, gaming, servizzi tekniċi, servizzi professjonali u mediċina. B’dawn is-servizzi jitfasslu skont il-bżonnijiet tal-kumpaniji permezz ta’ cloud software.
“Aħna hawnhekk fil-Malta Life Sciences Park għandna set-up li għenna ħafna, jiġifieri dejjem sibna għajnuna u sapport, u fiż-żminijiet tal-bidu, dik l-għajnuna hi invaluable. Imbagħad maż-żmien, iktar kemm bdejna nikbru, dejjem bdew jinbtu proġetti ġodda u dawk il-proġetti kollha wkoll dejjem nipprovaw insibu jekk hemmx skemi partikolari li jgħinuna biex inressquhom.”
Din il-kumpanija mhux biss hi bbażata f’pajjiżna, imma wkoll fl-Emirati Għarab Magħquda, waqt li ddeċidiet li tespandi f’Ċipru u llum tħaddem aktar minn erbgħin persuna.
“Ħloqna prodott fl-2016 u fl-2021, dan il-prodott ġie mibjugħ lil kumpanija tas-software Amerikana. Dan grazzi għal waħda minn dawn l-iskemi, li aħna bdejna minn hemmhekk u, imbagħad, komplejna nkabbru.”
Il-kumpanija Dedaub tibbaża x-xogħol tagħha fil-qasam tal-Blockchain. Hi tingħata kuntratti ta’ xogħol biex tevalwa proġetti magħmulin fuq il-blockchain magħrufa aħjar bħala smart contracts.
“Bħala klima, hi klima tajba, jiġifieri hawn ħafna nies li huma eċċitati biex jibnu xi ħaġa ġdida. Jien kont ixxortjat li ngħallem l-Università wkoll, allura nkun naf b’ċerti studenti u anke ċerti kollegi, li kelli qabel, li kienu tajbin għal dan it-tip ta’ xogħol u wara ammont ta’ training sostanzjali.”
Din il-kumpanija tħaddem aktar minn 25 persuna u mistennija tkabbar l-operat tagħha wkoll f’Ateni.
“Fis-snin li ġejjin, jiġifieri ħa nkomplu nagħmlu li qed nagħmlu, imma b’mod aktar aggressiv, nittamaw. Jiġifieri għandna kompetituri kbar fl-Amerka u dawn irridu ninvestu daqshom jekk mhux aktar minnhom.”
Il-Ministru Schembri nnota kif kumpaniji u start-ups se jkollhom l-opportunità jesebixxu x-xogħol tagħhom waqt is-Start-up Festival u Techxpo, li se jsiru bejn is-17 u d-19 ta’ Ottubru li ġej fl-MFCC f’Ta’ Qali.