F’laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kompla jikkundanna bil-qawwa l-aggressjoni militari tar-Russja fl-Ukrajna.
Fi stqarrija ntqal kif dwar il-proposta tal-Unjoni Ewropea li tingħata assistenza lill-Ukrajna, Malta enfasizzat in-newtralità kostituzzjonali tagħha fuq l-appoġġ ta’ dispożizzjonijiet ta’ tagħmir letali.
Madankollu, fi spirtu ta’ solidarjetà reċiproka, ġie spjegat kif Malta ma kinitx se twaqqaf dan il-proċess u kienet se tappoġġja l-Ukrajna b’mezzi oħra permezz ta’ għajnuna umanitarja inkluż l-għoti ta’ mediċini.
Fl-aħħar nett, il-Ministru Bartolo esprima wkoll l-appoġġ sħiħ ta’ Malta ghal aktar sanzjonijiet finanzjarji fuq ir-Russia kif ukoll dwar il-proposta tal-Unjoni Ewropea biex ċerti banek Russi jitneħħew mis-sistema SWIFT.
Il-Ministru Bartolo informa wkoll bid-deċiżjoni ta’ Malta li tagħlaq l-ispazju tal-ajru tagħha għall-ajruplani Russi f’konformità mal-azzjonijiet meħuda minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.