Malta se tkompli taħdem sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Libja, fosthom fis-settur tal-enerġja, il-politika tal-klima u s-saħħa.
Dan intqal mill-Prim Ministru Malti, Robert Abela, waqt laqgħa bilaterali li kellu mal-Prim Ministru Libjan, Abdul Hamid Dbeibah, fil-Berġa ta’ Kastilja.
Dan waqt żjara li għamel il-Prim Ministru Libjan f’pajjiżna, l-Erbgħa waranofsinhar.
Fil-laqgħa f’Kastilja, Dr Abela tkellem dwar kif fis-settur tal-enerġja, Malta u l-Libja jridu jaħdmu kemm fuq il-fjuwils u anki fuq il-provvista tal-enerġija.
Hawnhekk il-Prim Ministru Malti semma li l-invażjoni Russa fl-Ukrajna waslet għal żieda kbira fil-prezzijiet tal-enerġija, li qed taffettwa lil diversi familji.
Il-Prim Ministru Robert Abela semma t-tema tal-istabbilita u anki tal-paċi, anki fid-dwal tal-aħħar inkwiet fil-kapitali Libjana, Tripli.
Dr Abela semma li meta Malta se jkollha siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Magħquda, Malta se twassal il-messaġġ ‘il quddiem il-messaġġ tal-poplu Libjan.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li Malta trid il-paċi fil-Libja, kif kien fl-aħħar sentejn.
Huwa saħaq li l-futur tal-Libja jrid ikun deċiż mill-poplu Libjan stess, b’mod indipendenti u bla ebda ndħil barrani.
Waqt din il-laqgħa, il-Prim Ministru Malti nnota li Malta tibqa’ ħabib mal-poplu Libjan, anki minħabba l-fatt li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi ilhom snin twal.