Fil-ġimgħat li ġejjin Malta se tkun qed tniedi l-ewwel qafas regolatorju fid-dinja li se jwassal għat-tnedija ta’ regolatur ġdid bil-għan li jiġu regolati servizzi relatati mas-setturi tal-Blockchain, Artificial Intelligence, apparat IOT u servizzi oħra.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri waqt il-konferenza ‘Unlock Blockchain’ fic-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta’ Dubai.
Waqt din il-konferenza li għaliha attendew bosta investituri internazzjonali interessati fil-settur tat-teknoloġija Blockchain, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li l-Gvern Malti ħadem bi sħiħ flimkien mal-industrija sabiex jeħloq qafas regolatorju li jissodisfa l-kriterji tar-regolamenti AML u KYC mingħajr ma’ tiġi maħnuqa l-innovazzjoni f’dan is-settur tant dinamiku.
“Dan ir-regolatur ġdid se jgħin lil dawk li jixtiequ jinvestu f’dan is-settur sabiex joperaw b’mod regolat u permezz ta’ hekk ikunu jistgħu jattiraw il-fiduċja ta’ miljuni ta’ klijenti madwar id-dinja kollha li jixtiequ jagħmlu użu minn servizzi ġodda relatati mat-teknoloġija blockchain,” qal is-Segretarju Parlamentari Schembri.
Waqt iż-żjara tiegħu f’Dubai, is-Segretarju Parlamentari Schembri kellu laqgħa mad-Direttur Ġenerali ta’ Smart Dubai, Dr Aisha Bint Butti Bin Bishr, fejn kienu diskussi opportunitajiet ġodda ta’ koperazzjoni bejn il-Gvern Malti u l-Gvern ta’ Dubai fil-qasam tat-teknoloġija blockchain. Dan għandu jwassal sabiex permezz ta’ ftehim ġdid, pajjiżna jaqsam l-esperjenza tiegħu fil-qasam regolatorju filwaqt li ż-żewġ pajjiżi jaħdmu id f’id fuq proġetti ta’ implimentazzjoni tal-użu ta’ din it-teknoloġija f’diversi oqsma.
Is-Segretarju Parlamentari Schembri kellu diversi laqgħat oħra ma’ kumpaniji kbar fis-settur finanzjarju bil-għan li jipromwovi opportunitajiet ġodda t’investiment f’pajjiżna li se jinħolqu bit-twaqqif ta’ dan ir-regolatur ġdid Malti. Bil-għan li jigi attirat aktar investiment f’Malta, huwa stieden lil dawn il-kumpaniji sabiex jestendu l-operazzjoni internazzjonali tagħhom fil-ġurisdizzjoni Maltija fejn jkunu jistgħu wkoll jaċċessaw is-swieq Ewropej