Fiż-żmien li ġej, il-Gvern Malti se jiffirma ftehim mal-Unjoni Ewropea biex pajjiżna jieħu l-ewwel wieħed u erbgħin miljun ewro mill-Pjan ta’ Rkupru ta’ Fondi Ewropej.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’.
Dawn il-fondi se jingħataw bħala parti mill-Pjan ta’ Rkupru ta’ Malta, li jammonta għal tliet mija u ħamsa u erbgħin miljun ewro, li tliet mija u sittax-il miljun minnhom huma għotja minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari qal kif dan il-pjan ġie approvat kemm mill-Kummissjoni Ewropea u anke mill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea.
Intqal kif dan il-pakkett ta’ Fondi Ewropej, li ġie nnegozzjat is-sena l-oħra mill-Prim Ministru Robert Abela, huwa l-akbar pakkett ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea – id-doppju ta’ kemm kien ġab Gvern Nazzjonalista.
Dr Zrinzo Azzopardi ħabbar ukoll kif it-tieni interconnector se jsir permezz ta’ investiment minn Fondi Ewropej.
Qal, “It-tieni interconnector hemm deċizjoni min-naħa tal-Gvern dwar il-ħtieġa tiegħu u aħna min-naħa ta’ Fondi tal-Unjoni Ewropea ħa nkunu qegħdin niffinanzjaw dan it-tieni interconnector ma’ Sqallija, illi mhux biss jindirizza ż-żieda fid-domanda tal-elettriku, iżda wkoll huwa wkoll investiment favur il-klima u anke biex inkunu nistgħu ninvestu anke f’dak li għandu x’jaqsam ma’ enerġija rinovabbli.”
Fis-settur tal-enerġija u ambjentali, Dr Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ Fondi Ewropej se jinbnew diversi charging pillars madwar il-pajjiż, il-moll tal-irmiġġ f’San Pawl il-Baħar u l-proġett tax-Shore-to-Ship.
Is-Segretarju Parlamentari semma wkoll kif l-iskejjel ta’ Ħal Għaxaq u n-Nadur se jsiru ħielsa mill-karbonju u anke l-iskola li qed tinbena fl-Imsida se tkun ħielsa mill-karbonju.
Bl-istess fondi, se ssir qalba diġitali fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Mater Dei u anki fil-Qorti.