Malta se tirċievi €1,081 miljun mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jissaħħu l-investimenti nazzjonali f’setturi kruċjali għall-pajjiż fosthom fl-iżvilupp soċjoekonomiku.
Dan se jseħħ wara li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-Programm Nazzjonali ta’ Malta għall-Fond tal-Iżvilupp Reġjonali Ewropew għas-snin 2021 u 2027.
Dawn il-fondi se jgħinu biex jitwettqu proġetti relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni, it-tkabbir mas-settur kummerċjali, kif ukoll proġetti fuq l-infrastruttura diġitali mis-settur pubbliku u minn dak privat.
Dwar dan il-pakkett ta’ fondi, ONE News tkellem mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
Bonett spjega, “Dan huwa bil-kbir l-akbar pakkett ta’ fondi illi għandna mill-fondi l-ġodda illi, jekk il-Bambin irid, mis-sena d-dieħla nibdew nonfquhom fi proġetti kbar. Dawn imissu ma’ kollox: mal-infrastruttura, mas-saħħa, mat-turiżmu, mal-kultura. Jiġifieri dawn huma l-bażi li, fis-seba’ snin li ġejjin, pajjiżna jkun jista’ jwettaq il-proġetti kollha li għandu f’moħħu l-Gvern, li se jkompli jwettaq il-wegħdiet illi għamel mal-poplu Malti proprju f’Marzu li għadda.”
Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li dawn il-fondi se jwasslu biex isir il-bini ta’ sptar psikjatriku ġdid u anki l-interconnector mal-Italja.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, qal li din hija aħbar tajba għal pajjiżna u li fis-snin li ġejjin se jsiru diversi proġetti sabiex tissaħħaħ l-ekonomija ta’ Malta.