Sal-aħħar ta’ din is-sena, Malta qed tippjana li tippreżenta t-tielet talba tagħha lill-Kummissjoni Ewropea għal pagament mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, l-RRP, minn fondi Ewropej.
Dan ħareġ waqt konferenza mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, li ttrattat il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza.
Il-pjan ta’ Malta ġie approvat f’Settembru ta’ tliet snin ilu, meta fostna ġiet il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.
Il-pjan Malti ġie deskritt bħala l-aktar ħabib tal-ambjent, li ġie approvat fl-Unjoni Ewropea, hekk kif fih ferm iżjed inizjattivi ambjentali minn dak li kien mitlub mill-Kummissjoni, fejn 70% mill-pjan lokali hu favur l-ambjent u l-qalba diġitali.
B’dan il-pjan Ewropew, magħruf bħala NextGeneration EU sar wara d-daqqa tal-pandemija globali.
Aktar kmieni din is-sena, Malta ħadet it-tieni pagament ta’ kważi disgħa u ħamsin miljun ewro mill-istess pjan.
Fil-konferenza l-Erbgħa filgħodu, is-Segretarju Permanenti responsabbli mill-fondi Ewropej, Jonathan Vassallo, qal li dawn il-fondi waslu biex sar aktar taħriġ fis-settur tal-kostruzzjoni, saret l-elettrifikazzjoni tat-trasport pubbliku, taħriġ għall-għalliema u anke saru riformi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus.
L-Aġent Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Mark Vella, semma kif dawn il-fondi waslu għal titjib ta’ kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.