Malta se tingħata €817-il miljun f’fondi Ewropej tul is-seba’ snin li ġejjin, biex pajjiżna jkompli jwettaq proġetti favur il-kompetittività u l-innovazzjoni, proġetti favur l-ambjent u l-ekonomija ċirkolari u proġetti soċjali.
Dan hekk kif il-Kummissjoni Ewropea approvat il-Partnership Agreement ma’ Malta wara li saru taħdidiet mal-Gvern Malti.
Dan ifisser li meta żżid l-allokazzjoni li joħroġ il-Gvern Malti ma’ dawn il-fondi Ewropej, b’kollox se jkun hemm biljun u mitejn miljun ewro f’investimenti u proġetti f’Malta u f’Għawdex.
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Fondi Ewropej, Silvio Schembri saħaq li bil-Fondi Ewropej, pajjiżna għamel avvanzi kbar u qal li b’dan il-pakkett ta’ fondi, l-ekonomija Maltija se tkun aktar innovattiva u kompetittiva.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej Chris Bonett, stqarr li b’dawn il-fondi pajjiżna se jkompli joħloq aktar opportunitajiet.
Qal, “Ix-xhur illi ġejjin se tkunu qegħdin taraw kif il-viżjoni tal-Gvern għal Malta għas-seba’ snin li ġejjin, anki parti sostanzjali mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista se titwettaq permezz ta’ dawk il-fondi. Biex tkompli turi li l-fondi Ewropej huma katina importanti ħafna fl-iżvilupp ekonomiku, soċjali u infrastrutturali ta’ pajjiżna.”