Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni Ewropea se tagħti lill-pajjiżna, €60 miljun mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, li ġejjin minn Fondi Ewropej.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari, Chris Bonett, sena wara li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ġiet f’pajjiżna u approvat il-Pjan ta’ Rkupru ta’ pajjiżna.
“U issa qegħdin nistennew li dalwaqt, probabbilment il-ġimgħa jew ta’ wara, il-Kummissjoni Ewropea tgħaddilna dak l-agreement illi juri li l-Kummissjoni aċċettat illi aħna wettaqna x-xogħol kollu, biex b’hekk nirċievu is-€60 miljun li kien ftiehem il-Prim Ministru mal-Kummissjoni Ewropea fl-ewwel sena tal-RRP.”
F’din l-intervista, is-Segretarju Bonett spjega ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet li b’dawn il-fondi se jgawdu n-nies.
Fost dawn hemm l-iskola tan-Nadur, se jsir ix-xogħol fuq il-bank tad-demm ġewwa San Ġwann u anki r-riformi fil-qasam tal-ġustizzja. Dan hekk kif se jkun hemm żieda fin-numri ta’ avukati li jaħdmu fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Dan apparti li se jsir investiment fil-qalba diġitali f’kumpaniji żgħar u medji.
F’din l-intervista, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar fondi apparti biex Malta jkollha fondi għall-enerġija nadifa.
“Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet, min-naħa tagħna, mill-Ministeru responsabbli mill-enerġija u l-Kummissjoni Ewropea, fejn Malta se tiġi allokati €15-€25 miljun oħra taħt l-iskema REPOWEREU biex isiru proġetti jew proġett, għax l-ammont ta’ flus huwa dak, illi jara illi Malta tkompli tagħmel il-qalba għall-enerġija aktar nadifa.”
Permezz ta’ dawn il-fondi Ewropej, Malta se jkollha enerġija aktar nadifa u rinovabbli.