Malta se tingħaqad fil-Koalizzjoni Globali għall-Ġustizzja Soċjali, li titmexxa mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.
Dan tħabbar fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali fejn intqal li pajjiżna flimkien ma’ pajjiżi oħra Ewropej u l-Istati Uniti se jippromwovu t-tisħiħ tal-ġustizzja soċjali għall-ħaddiema.
L-għan ta’ din il-koalizzjoni huwa, fost l-oħrajn, li jkomplu jinħolqu impjiegi aktar dinjitużi u jitnaqqsu l-abbużi fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan il-pass ifisser li pajjiżna se jkompli jsaħħaħ id-djalogu soċjali, anki b’mod internazzjonali għall-ġid tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
B’reazzjoni għal din l-aħbar, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal ma’ ONE News li bħala forum se jinħolqu aktar inizjattivi tanġibbli għal impjiegi aktar diċenti.
Qal, “Bħala pajjiż għall-ewwel darba din se ttina l-opportunità li nkunu madwar il-mejda tad-diskussjonijiet, flimkien ma’ stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi ġġanti bħall-Istati Uniti, fejn hemmhekk jiġu mfassla liġijiet biex inkomplu nsaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, noħolqu xogħlijiet diċenti, pagi aħjar u allura bħala pajjiż issa rridu nieħdu l-aħjar minn din l-opportunità biex insaħħu d-dinja tax-xogħol tagħna.”