Għal darboħra l-edizzjoni tal-2022 tal-Yacht Racing Forum se ssir f’pajjiżna.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa r-Royal Malta Sailing Club f’Ta Xbiex mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg.
Din il-konferenza li se ssir f’Novembru tas-sena d-dieħla se tkun qed issir fuq jumejn fejn fiha se jiġu diskussi bosta suġġetti li jikkonċernaw l-industrija tal-marittimu kemm fuq skala lokali kif ukoll internazzjonali.
Dwarha tkellima ma’ John Huber hekk kif spjegalna f’aktar dettal x’tinvolvi.
Qal, “Dan iġib aktar minn 300 delegat li huma l-aqwa u l-aħjar milli għadu x’jaqsam ma’ Yacht Racing. Minn sponsors, għall-midja, għall-organisers ta’ events għall-baħrin stess, professional crew, teknoloġija, sostennibilità. Kull min għandu x’jaqsam ma’ Yacht Racing se jkun hawn Malta.”
Fl-indirizz tiegħu waqt din il-konferenza, il-Ministru Ian Borg faħħar din l-inizjattiva u qal li huwa ta’ unur li konferenzi prestiġjużi bħalma hi l-Yacht Racing Forum se terġa ssir għal darb’oħra f’pajjiżna.
Tenna kif dan jikkonferma kemm hu stmat pajjiżna f’dan is-settur. Dan anke wkoll wara li fl-2016 diġà saret edizzjoni oħra ta’ dan il-forum.
Spjega, “Dan ifisser ukoll li Malta hija meqjusa bħala post attraenti fejn mhux biss fejn isir l-investiment iżda fejn in-nies tiltaqa’ u taqsam il-ħsibijiet tagħha fuq il-futur li ħafna mill-futur qed niddiskutu kif jista’ jkun dejjem aktar sostenibbli u b’rispett sħiħ lejn l-ambjent.”
Huwa temm jgħid li l-Gvern kommess li jibqa’ jaħdem sabiex itejjeb dan is-settur. Fakkar kif f’dan ir-rigward, ir-riżultati jitkellmu waħedhom hekk kif fost oħrajn ir-reġistru tas-superyachts jinkludi fi ħdanu kważi elf superyacht rreġistrat taħt il-bandiera Maltija.
Sostna kif dan jagħmilna l-akbar reġistru ta’ superyacths fid-dinja u din hi biss farka mis-suċċessi li pajjiżna qed jara fis-settur marittimu.