Fil-ħarifa tas-sena d-dieħla, Malta se tkun qed tilqa’ l-konferenza Arraiolos, li fiha jipparteċipaw Kapijiet ta’ Stati mhux eżekuttivi ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħabbru l-President ta’ Malta Dr George Vella, fi tmiem din il-konferenza, li din is-sena tlaqqgħet fil-Palazz tal-Quirinale f’Ruma.
Il-proposta li Malta torganizza din il-konferenza saret wara qbil unanimu.
F’Ruma, fuq stedina tal-President Taljan Sergio Mattarella, il-President ta’ Malta ħa sehem fid-diskussjonijiet dwar żewġ temi.
L-ewwel waħda dwar l-Unjoni Ewropea fi triqitha lejn l-awtonomija strateġika u t-tieni diskussjoni fil-plenarja ffukat dwar il-kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-multilateraliżmu fid-dinja ta’ wara l-pandemija.
Fuq l-ewwel tema, il-President tar-Repubblika ta’ Malta saħaq fuq il-ħtieġa li l-Ewropa tkompli titkellem mal-Afrika u l-Unjoni Ewropea wkoll tħejji għall-isfidi migratorji futuri.
Semma wkoll li l-Ewropa trid tkun kapaċi wkoll tindirizza r-realtajiet urġenti u inkwetanti li jikkonċernaw it-tibdil fil-klima.
Dwar it-tieni tema, il-President ta’ Malta rrimarka li pajjiżna qiegħed ifittex li jaqdi lill-komunità internazzjonali fi ħdan l-ogħla u l-aktar korpi importanti.
Hawnhekk semma li Malta qed taħdem biex tikseb siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda bejn l-2023 u l-2024, b’impenn sod biex taqdi lill-komunità internazzjonali u żżomm il-valuri stabbiliti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-President George Vella qal li “l-valur li se ssir Malta ovvjament huwa apprezzament għall-irwol li Malta dejjem lagħbet anki fiż-żmien qasir li ilna fl-Unjoni Ewropea kkumparat ma’ pajjiżi oħra. Fl-istess ħin huwa ċertifikat ta’ fiduċja, l-ewwelnett fis-sigurtà li hemm ġew pajjiżha u l-irwol li Malta tista’ tilgħab f’dawn l-organizazzjonijiet.”