L-approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea ta’ finanzjament li l-kumpanija ST Microelectronics se tikseb mingħand l-Istat biex tiżviluppa prodotti teknoloġiċi ġodda għas-suq internazzjonali hija xhieda tal-importanza strateġika ta’ Malta biex l-UE tkun tista’ ssaħħaħ l-industrija tal-microchips li jintużaw fit-tagħmir elettroniku kollu.
Qal dan lil ONE News il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, wara li l-proġett Malti kien wieħed minn 68 proġett minn 14-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea li ġew approvati mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Malta Enterprise kellha rwol importanti, flimkien mal-kumpanija ST, bħala parti minn dan il-proġett ta’ diversi gvernijiet u kumpaniji fl-Unjoni Ewropea sabiex jagħtu s-saħħa lill-industrija tal-microchips fl-Ewropa – settur kruċjali għall-ekonomija dinjija.
“F’dak il-kuntest aħna Malta, li għandna l-ST Microelectronics, li hija waħda mill-akbar kumpaniji fid-dinja, dħalna għal dan il-proġett fejn se jkunu qegħdin joħorġu bi prodotti illi sal-lum il-ġurnata għadhom lanqas jeżistu. Allura hemm element ta’ riċerka u żvilupp, u b’dak il-proġett, allura, tlabna lill-Unjoni Ewropea taċċetta li l-istat Malti jgħin biex dak il-proġett isir.”
Kurt Farrugia qal li din il-kumpanija, ibbażata f’Ħal Kirkop, hija waħda mill-akbar kumpaniji f’pajjiżna u tħaddem 10 fil-mija tal-impjegati fil-manifattura: b’kollox 1,800 ħaddiem.
“L-importanza li l-Ewropa tibqa’ kompetittiva hija kruċjali anki f’dak kollu li għamlet l-Ewropa biex inkunu nistgħu nassistu lil dan is-settur. Allura f’Malta, li jeżisti backend operation tal-ST – li hija prattikament waħda mill-ftit backend operations, għax l-oħrajn isiru fl-Asja – ġejna importanti ħafna biex anki strateġikament, bħala Unjoni Ewropea, inkunu nistgħu nipprovdu microchips li finalment imorru fil-prodotti kollha li nużaw tal-elettronika.”
Kurt Farrugia qal li dan il-proġett se jwassal biex din il-kumpanija se tpoġġi lill-pajjiżna f’ħolqa ta’ proġetti fl-Ewropa, biex jikkompeti ma’ ekonomiji kbar internazzjonalment.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise spjega li l-pass li jmiss se jinvolvi lill-INDIS Malta, li hija responsabbli mill-amministrazzjoni tal-parks industrijali fil-pajjiż, u li se tgħin fl-implimentazzjoni tal-proġett.
“Allura, il-pass li jmiss minn issa ’l quddiem hu li, flimkien ma’ INDIS Malta, li hija parti importanti ħafna mill-industrija, inpoġġu bilqiegħda u nimplimentaw dan il-proġett biex finalment se jkun qed joħloq prodotti ġodda, prodotti li se jkunu qed jinħolqu f’Malta. Ir-riċerka u l-iżvilupp se jsiru f’Malta, u mbagħad kull proġett li joħroġ minn hemmhekk se jkun qed imur prattikament mad-dinja kollha fil-prodotti kollha li nafu tal-elettronika.”