Malta se tkun qed tipparteċipa fit-tieni semi-finali tal-Eurovision Song Contest f’Turin, il-Ħamis 12 ta’ Mejju li ġej.
Wara polza li saret illum waranofsinhar f’Turin, sar magħruf li Malta se tkun qed tikkompeti fl-ewwel nofs tat-tieni semi-finali.
Flimkien ma’ Malta fl-istess semi-finali se jikkompetu għal għaxar postijiet fil-finali dawn il-pajjiżi; l-Awstralja, il-Ġorġja, Ċipru, is-Serbja, il-Finlandja, l-Ażerbajġan, San Marino, l-Iżrael, il-Montenegro, ir-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, il-Belġju, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Iżvezja, l-Estonja u l-Irlanda.
Fl-ewwel semi-finali tat-Tlieta 10 ta’ Mejju se jikkompetu l-Albanija, il-Latvja, l-Iżvizzera, l-Islovenja, il-Bulgarija, il-Moldova, l-Ukrajna, il-Litwanja, l-Olanda, in-Norveġja, ir-Russja, il-Portugall, id-Danimarka, l-Armenja, l-Awstrija, il-Kroazja, l-Iżlanda u l-Greċja.
F’dawn l-ewwel semi-finali se jivvutaw ukoll Franza u l-Italja filwaqt li fit-tieni semi-finali, fejn pajjiżna se jikkompeti se jivvutaw il-Ġermanja, Spanja u r-Renju Unit.
Qabel il-polza saret ukoll ċerimonja fejn is-Sindku ta’ Rotterdam, il-belt li laqgħet il-Eurovision is-sena l-oħra, għadda x-xettru lis-Sindku ta’ Turin, li se jilqa’ dak meqjus bħala l-akbar spettaklu televiżiv fid-dinja.
Ix-xahar id-dieħel Malta mistennija tagħżel ir-rappreżentant/a/i għall-Eurovision li ġej.