Fi tmiem din il-ġimgħa, il-kontingent Malti tat-Table Football se jkun l-Inghilterra sabiex jirrapreżenta lil pajjiżna fit-tażża tad-dinja li ser issir bejn l-20 u 22 ta’ Settembru, f’ Tunbridge Wells.
It-tim Nazzjonali tal-kategorija Open se jkun kompost mill-‘Captain’ Samuel Bartolo, flimlien ma’ Jurgen Balzan, Jamie Bonnici, Derek Conti, George Ebejer, Mark Gauci u Jean Tabone.
Intant, it-tim nazzjonali tal-Veterani, li ser ikun qed ifittex li jiddefendi t-titlu mirbuh f’Ruma fl-2022, ser ikun kompost mill-‘Captain’ Charlie Aquilina, flimkien ma’ Mario Camilleri, Frank Chetcuti Dimech, Joseph Mifsud, Patrick Pace, Jason Pisani u John Zammit.
Dawn l-istess players ser jikkompetu ukoll fil-kompetizzjonijiet individwali rispettivi tagħhom. Magħhom, George Ebejer ser jikkompeti fil-kategorija tal-‘Flats’, Thomas Ebejer se jikkompeti fil-kategorija ta’ taħt l-20 sena filwaqt li Robert Farrugia Randon ser jikkompeti fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena. Josef Camilleri ser ikun qiegħed jirrapreżenta lill-assoċjazzjoni Maltija, l-MTFSA, bħala direttur sportiv.
Malta tinsab fost il-favoriti fil-kategoriji kollha u hemm ottimiżmu fil-kamp Malti, frott it-taħriġ intensiv li sar matul is-sajf kif ukoll fl-istaġun li għadu kif intemm.
Il-Maltin imbgħad jirritornaw lejn pajjiżna t-Tnejn wara nofs-inhar, grazzi wkoll għall-għajnuna ta’ SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.