Malta se tiftaħ Kummissjoni Għolja fil-Ghana. Ħabbar dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, li nnota kif din se tkun l-ewwel rappreżentazzjoni diplomatika li l-Gvern Malti qed jiftaħ fl-Afrika fin-Nofsinhar tas-Saħara.
Ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Ghana ġew stabbiliti fi Frar tal-1974 u baqgħu jissaħħu matul is-snin.
F’Awwissu tal-2014 il-Ghana kien l-ewwel pajjiż Afrikan min-Nofsinhar tas-Saħara li waqqaf missjoni diplomatika f’Malta. Ir-relazzjonijiet komplew jitjiebu bi żjara tal-President Marie-Louise Coleiro Preca fir-Repubblika tal-Ghana mill-25 sat-28 ta’ Lulju 2017, meta kienet akkumpanjata mill-Ministru Abela u minn delegazzjoni kbira ta’ negozjanti minn 20 intrapriża lokali li rrappreżentaw diversi setturi fosthom l-informatika, il-manifattura, l-inġinerija, is-servizzi ta’ konsulenza, l-avjazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-servizzi finanzjarji, l-immaniġġjar tal-iskart, il-loġistika u l-farmaċewtika.
Matul iż-żjara Statali ġie ffirmat ftehim dwar Konsultazzjoni Politika Bilaterali kif ukoll żewġ Ftehimiet ta’ Kooperazzjoni, wieħed bejn Malta u l-Kamra tal-Kummerċ tal-Ghana u l-ieħor bejn Trade Malta u l-Assoċjazzjoni tal-Industriji tal-Ghana.
Ittieħdet ukoll deċiżjoni fl-ogħla livell biex tissejjaħ il-Kummissjoni Konġunta Malta-Ghana bil-għan li tkompli tkattar il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Din hi riflessjoni ċara tal-impenn li jeżisti bejn iż-żewġ gvernijiet miż-żewġ pajjiżi sabiex iwasslu r-relazzjonijiet għal livell ogħla.