Malta temmet b’suċċess il-proċess biex issir stat parteċipant fi ħdan il-European High-Performance Computing Joint Undertaking. EuroHPC huwa proġett ta’ programmar tal-Unjoni Ewropea li sar b’koperazzjoni bejn l-UE, diversi pajjiżi Ewropej u l-industrija privata, bl-għan li tiġi żviluppata ekosistema ta’ supercomputing tal-aqwa livell fl-Ewropa.
Hu mistenni li l-parteċipazzjoni ta’ Malta fi ħdan il-programm EuroHPC se tippermetti r-riċerka u l-kommunità xjentifika lokali, l-industrija u s-settur pubbliku li jagħmlu użu mill-portafoll ta’ attivitajiet marbuta mas-supercomputing.
il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara COVID-19 Owen Bonnici qal kif l-parteċipazzjoni tagħna fi ħdan il-EuroHPC Joint Undertaking se tippermetti l-iżvilupp ta’ opportunitajiet għall-komunità lokali ta’ riċerkaturi li huma interessati jew għandhom bżonn proċessi ta’ simulazzjoni kumplessi jew xogħlijiet xjentifiċi li għandhom bżonn kapaċitajiet komputazzjonali.
Fost l-attivitajiet tagħha, il-EuroHPC Joint Undertaking tmexxi ‘l quddiem sejħiet annwali speċjalizzati għal riċerka u innovazzjoni, tindirizza teknoloġiji hardware u software u l-integrazzjoni tagħhom f’sistemi ta’ computing b’mod li tolqot il-katina sħiħa ta’ ħidma xjentifika u industrijali. Minbarra dan, il-EuroHPC Joint Undertaking tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp u n-networking ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ High-Performance Computing fid-diversi membri fi ħdan il-programm.