Malta ser tieħu sehem fil-kampjonati mondjali tal-Pool li ser issiru f’Agadir il-Marokk bejn it-2 u t-12 ta’ Lulju. Il-Malta Pool Association ser tibgħat erba’ timijiet jirrapreżentaw lil pajjiżna f’ dawn il-kampjonati li ser isiru għall-ewwel darba fil-kontinent Afrikan. It-timijiet Maltin se jieħdu sehem fil-kategoriji tal-irġiel, Under 18’s, Under 23’s u Over 50’s. Bħal kull sena l-assoċjazzjoni tibgħat l-akbar kontinġent Malti jikkompenti f’ kampjonati mondjali tal-Pool.
It-tim tal-irġiel ser ikun kompost minn Kevin Mercieca, Troy Zammit, Clayton Castaldi, Gary Carr, Ryan Pisani, Joseph Casha, Darren Schembri u Stephen Mangion. It-team taż-żgħazagħ ta’ taħt it-tlieta u għoxrin sena jinkludi lil Elcid Aquilina, Miguel Amato, Matthias Debono u Rudger Xerri. It-tim taz-zghazagh ta’ taħt it-tmintax -il sena, champions Ewropej renjanti, se jkun kompost minn Steve Muscat, Nick Muscat, Jake Castaldi, Chaylon Castaldi u Nordai Desira. It-tim nazzjonali Malti ta’ l-Over 50’s A huma ffurmat mill-players Brian Grech, Manuel Mallia, Marco Bonello, Stephen Scicluna, Antione Aquilina u Alfred Attard.
Carmel Cilia se jkun il-manager tat-tim tal-irgiel, Vince Saliba se jmexxi t-tim tal-Under 18’s, Noel Cassar dak tal-Under 23’s filwaqt li Pasquale Sciberras se jkollu t-tmun tat-tim tal-Over 50’s.
Barra l-kampjonati tat-timijiet kull player ser ikun impenjat fil-kampjonati individwali mondjali, kompetizzjoni doubles kif ukoll f’ tournament prestiġjuż imsejjaħ World Masters Tournament.
Vincent Degiorgio, segretarju generali tal-Malta Pool Association kif ukoll tezorier tal-federazzjonijiet Ewropej u Mondjali, ser ikun l-uffiċjal inkarigat mill-kontinġent Malti.