“Gvern Laburista jagħtik garanzija li l-pensjonijiet se jiżdiedu b’aktar mill-COLA.”
Dan kien kliem il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’attività politika fis-sala tal-Iskola Sekondarja Kulleġġ San Benedittu, f’Ħal Kirkop.
Quddiem folla sabiħa, Dr Abela sostna li pajjiżna kiseb u se jibqa’ jikseb is-suċċessi fejn spjega li din il-ġimgħa stess Malta rreġistrat l-akbar rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, f’kuntest ta’ sfidi globali.
“Erba’ pajjiżi Ewropej bħalissa jinsabu għaddejjin minn riċessjoni, tliet pajjiż Ewropej oħra li għadhom kif ħarġu minn riċessjoni. Il-Ġermanja li għandha l-ekonomija tagħha ilha ma tikber minn Marzu li għadda, sena sħiħ b’ekonomija li ma tikbirx. U aħna hemm fuq quddiem nett ta’ tkabbir ekonomiku fost l-Ewropa kollha. Fuq quddiem nett.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru spjega li dawn ir-riżultati huma importanti hekk kif iwasslu biex jikber l-investiment li jwassal għal ħajja aħjar għal kulħadd.
Dr Abela spjega li minn dan il-ġid iridu jkomplu igawdu l-pensjonati, fost ħafna oħrajn.
“Taħt Gvern Laburista mmexxi minni, il-garanzija hija li l-pensjoni se jibqgħu jgħolew b’aktar mill-COLA. Hekk ktibna fil-manifest Malta Flimkien. Hekk ktibna fil-liġijiet ta’ pajjiżna. Hekk se niktbu f’kull Baġit”.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela qal li dan l-investiment fil-pensjonanti u fin-nies qed isir fl-istess ħin li tittejjeb il-qgħada tal-finanzi tal-pajjiż.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru fakkar kif tul dawn l-aħħar ħdax-il sena, Partit Laburista fil-Gvern bidel id-direzzjoni ta’ dan il-pajjiż. Dan fost oħrajn jidher ċar anke bl-avvanz tal-mara fis-soċjetà biex pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem. Hawnhekk ir-rata’ impjiegi fost in-nisa f’pajjiżna għall-ewwel darba fl-istorja qabżet il-medja Ewropea.
Minkejja dan Dr Abela tenna li pajjiżna baqalu ħafna suċċessi x’jilħaq.
Hawn elenka l-ħidma li qed isir biex pajjiżna għall-ewwel darba jibda joffri l-kors għal veterinarji, filwaqt li spejga li fix-xhur li ġejjin se tkun qed terġa’ tiftaħ l-iskola tas-snajja.
Dr Abela ma naqasx ukoll milli jirrimarka l-importanza tal-edukazzjoni favur l-iżvilupp ekonomiku filwaqt li tenna kif taħt dan il-Gvern il-ħaddiema gradwati qed isibu impjiegi ta’ kwalità.
“Jiġu tan-naħa l-oħra jgħidu li aħna l-Gvern tac-cheap labour. Li ngħidilhom hu li llum ħaddiema gradwati għandna darbtejn u nofs l-ammont li kellna fl-elfejn u tlettax. U qed isibu impjiegi tajbin f’Malta u f’Għawdex. Inġiniera, xjentisti, technicians, software developers u diversi professjonijiet oħra.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Intant, il-Prim Ministru tenna li f’din il-lokalità qed jitwettqu diversi proġetti ambjentali, bħala parti mill-ikbar proġett ta’ spazji miftuħa.
Hawn ħabbar li diġà ddaħħlu l-pjanti għand l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex spazju allokat għall-bini f’din l-istess lokalità jinbidel fi spazju miftuħ.
Dan filwaqt li l-Gvern kompla jimplimenta l-wegħda tiegħu favur aktar postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna.
“Qegħdin hawnhekk f’Ħal Kirkop, xempju ċar tal-pjan soċjali tagħna bi proġett għall-akkomodazzjoni soċjali li jagħti iżjed minn saqaf fuq ras in-nies, ngħid li jagħti d-dinjità għal minn verament jeħtieġ u għandu bżonn. Dak meta jkun partit soċjalista li għandu ruħ soċjali, li jiżgura d-dinjità lil kulħadd.”
Il-Prim Ministru Robert Abela