“Malta ser tibqa’ taħdem mal-FATF u sħab internazzjonali oħrajn sabiex tassigura li r-rakkomandazzjonijiet li ġew parzjalment implimentati jiġu indirizzati fl-inqas żmien possibbli.”
Din kienet ir-reazzjoni uffiċjali tal-Gvern ta’ Malta għar-rapport li ppubblika t-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja, l-FATF, u li fih ikkonferma kif pajjiżna tpoġġa fi proċedura ta’ iktar moniteraġġ fil-qasam finanzjarju.
Fil-fatt, il-Gvern Malti sostna l-pożizzjoni tiegħu li Malta ma kienx ħaqqha titpoġġa f’din il-proċedura meta jiġu kkunsidrati l-ħemel ta’ riformi li ġew implimentati.
Riformi li wasslu għall-progress sostanzjali li wassal sabiex jitwaqqaf u jiġi miġġieled il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu b’mod effettiv.
Il-Gvern fl-istqarrija tiegħu fakkar ukoll fir-rapport ta’ evalwazzjoni mill-MoneyVal li ġie ppubblikat fl-2019 u kif minn dakinhar skattat ħidma bla preċedent li wasslet biex Malta implimentat riformi numerużi kemm fuq livell tekniku iżda anke prattiku.
Il-Gvern innota wkoll it-tliet rakkomandazzjonijiet mill-FATF li saħqet li hemm bżonn iktar ħidma fuqhom minkejja li l-Gvern Malti stess kien indirizzahom parzjalment.
Dawn huma ż-żieda ta’ analiżi mill-FIAU fuq reati serji ta’ ħasil ta’ flus, żieda fl-użu ta’ intelliġenza finanzjarja sabiex jiġu miġġielda taxxi kriminali jew dawk relatati ma’ każijiet ta’ ħasil ta’ flus u titjib fl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ benefiċċjarji minn persuni Maltin legali.
Liema Maltin li ma jipprovdux informazzjoni korretta jiġu soġġetti għal sanzjonijiet effettivi u proporzjonati.
Fl-istqarrija tiegħu l-Gvern temm jirringrazzja lill-Awtoritajiet u sħab soċjali kollha, kemm mis-settur pubbliku u privat, li ħadmu qatigħ sabiex pajjiżna jkollu strutturi finanzjarji robusti.
Il-Gvern irringrazzja wkoll il-ġurisdizzjonijiet kollha li kienu ta’ spalla għal Malta u wasslu ’l quddiem il-messaġġ li pajjiżna fil-fatt għamel titjib u progress tanġibbli.
AQRA WKOLL:
https://www.one.com.mt/2021/06/25/bil-filmat-il-president-tal-fatf-jinnota-l-impenn-tal-gvern-malti-ghal-aktar-riformi/