“Il-fiduċja ġġib il-fiduċja u s-suċċess iġib is-suċċess”
Kliem il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, f’diskors li għamel f’attività politika f’Ħad Dingli, li fiha semma s-suċċessi li kompla jagħmel pajjiżna f’setturi u oqsma differenti.
F’messaġġ ċar li wassal, b’mod speċjali lill-investituri, il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jibqa’ jappoġġja bis-saħħa lil dawk li għandhom proġetti u ideat għal pajjiżna.
“Lill-investituri nibqa’ nibagħtilhom messaġġ wieħed u konsistenti: ejjew għandna bi proġetti li huma b’saħħithom. Mingħandna se ssibu appoġġ qawwi. Ejjew bi proġetti li jħaddnu l-viżjoni mġedda u se nkunu aħna li ngħinukom għat-triq kollha u twettquhom u anke tagħmluhom realtà.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Robert Abela semma wkoll kif, fl-aħħar jiem, tkellem mal-imsieħba soċjali fuq it-tliet pilastri importanti fil-viżjoni ekonomika tal-pajjiż: viżjoni ekonomika li trid teħodna lejn prosperità ġdida b’ekonomija bbażata fuq il-ħiliet, it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika, u li nibqgħu niddifersifikaw.
Dr. Abela qal li Malta se tibqa’ tiftaħ il-bieb għal dawn in-nies, l-ideat u proġetti tagħhom li ċertament se jgħollu l-livell tal-prodott għall-Maltin u għat-turisti. Saħaq ukoll kif l-Gvern se jagħmel ċert li l-offerta tal-pajjiż lil dawn l-investituri se tibqa’ tkun fost l-aqwa fl-Ewropa.
“Pajjiżna se jibqa’ d-dar naturali fejn l-investitur iħoss li jista’ jmexxi l-proġetti tiegħu. L-għan jibqa’ wieħed ewlieni: dak tal-ħolqien tal-ġid. Ġid li nara li nqassmuh b’mod ugwali mal-poplu kollu. Nagħmlu dan, fuq kollox, biex inħarsu x-xogħol tagħhkom u biex noħolqu aktar impjiegi. Meta jgawdi l-ħaddiem? Il-ħaddiem igawdi meta jinħoloq ix-xogħol.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru assigura wkoll li l-entitajiet pubbliċi qed jaħdmu qatigħ ħalli bid-deċiżjonijiet li jittieħdu, nibqgħu destinazzjoni attraenti għall-investituri fl-oqsma kollha.
Robert Abela nnota wkoll kif din il-ġimgħa Malta rreġistrat l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona tal-Ewro u kif dawn ir-riżultati qed jaslu għax il-Gvern għandu l-kuraġġ jieħu d-deċiżjonijiet f’kull settur.
B’kuntrast mal-ġid kollu li qed jagħmel il-Gvern, il-Mexxej Laburista nnota n-nuqqas ta’ proposti mill-Oppożizzjoni għall-pajjiż.
“Tara Oppożizzjoni illi filli jibdew jitkellmu fuq il-pożittiv, u jaqilbu negattiv u jkomplu fuq in-negattiv, u jispiċċaw fuq in-negattiv. Ħaġa waħda ma tismax mingħandhom, proposti għal dan il-pajjiż.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Intant, filwaqt li sostna li l-Gvern se jibqa’ jwettaq ir-riformi meħtieġa, il-Prim Minsitru nnota wkoll li din il-ġimgħa ġie kkonfermat li, fl-ewwel kwart tas-sena, l-ekonomija ta’ Malta kibret b’darbtejn u nofs ta’ dak li kibret l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea.