Malta se tibda taċċetta ċ-ċertifikati tal-vaċċin kontra l-COVID-19 tar-Renju Unit u tal-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Lulju.
Dan ikkonfermah id-Direttorat għall-Prevenzjoni tal-Mard fuq il-midja soċjali, fejn ġie spjegat ukoll li tfal ta’ bejn il-ħames snin u l-11-il sena jistgħu jivvjaġġaw ma’ adulti li huma mlaqqma kompletament, iżda jridu jippreżentaw riżultat negattiv kontra l-Coronavirus.
Tfal li għandhom anqas minn ħames snin mhux se jkunu obbligati jagħmlu test qabel jiġu Malta.
Ċittadin Malti li għal xi raġuni għad m’għandux ċertifikat tal-vaċċin jista’ jibgħat email fuq covid19.vetting@gov.mt biex jitlob li jsirlu test qabel it-tluq.
Bħalissa, l-Awtoritajiet Maltin jaċċettaw biss iċ-ċertifikat Malti tal-vaċċin.