Fit-3 u l-4 ta’ Ottubru, Malta se tospita l-Kungress tal-pajjiżi li jagħmlu parti mill-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran.
Waqt dan il-kungress se jiġu diskussi s-suċċessi kif ukoll l-isfidi li qegħdin jaffaċċjaw is-sajjieda u l-operaturi fis-settur tal-akwakultura.
Dan il-kungress se jiġi organizzat flimkien mal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (il-FAO) u l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM).
Il-Kungress se jsir ħames snin ’il bogħod mill-ilħuq tal-miri tad-Dikjarazzjoni tal-MedFish4Ever, li saret f’pajjiżna meta dan l-istess Kungress kien tlaqqa’ f’Malta fl-2017. Wara diversi xhur ta’ negozjati xprunati mill-Kummissjoni Ewropeja, din id-Dikjarazzjoni wasslet għal ftehim għal perjodu ta’ għaxar snin, bl-għan li tipproteġi s-saħħa ekoloġika, ekonomika, u ambjentali tal-baħar Mediterran.
Il-kungress se jiddiskuti s-suċċess ta’ din il-ħidma kollaborattiva fuq numru ta’ temi differenti. Fosthom hemm it-tibdil tal-klima, l-immaniġġjar tal-ispeċijiet akwatiċi fil-Mediterran, u l-protezzjoni tal-ambjent.
Matul dawn l-aħħar ħames snin, inħass il-bżonn li din id-dikjarazzjoni tiġi aġġornata biex tiddiskuti numru ta’ żviluppi teknoloġiċi u politiċi ġodda.
Fost dawn, il-Kungress se jkun qed isaħħaħ dan il-ftehim billi jiddiskuti s-sigurtà tal-ikel u l-irwol tas-settur tas-sajd fuq skala żgħira.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, qalet li dan il-Kungress se jgħin biex jiġi assigurat li l-komunitajiet tas-sajd u l-akwakultura reġjonali jadattaw u jsiru iktar sostenibbli kif ukoll reżiljenti.