Malta, bħala President tal-Organizzazzjoni għas-SIgurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), temmen f’sinerġija b’saħħitha bejn il-Gvernijiet u l-istrutturi Parlamentari tal-pajjiżi membri, bil-għan li din l-organizzazzjoni tibqa’ waħda effettiva u b’saħħitha.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, li bħalissa hu wkoll iċ-Chair-In-Office tal-OSCE, qal dan waqt li kien qed jindirizza l-Assemblea Parlamentari tal-organizzazzjoni fi Vjenna, l-Awstrija.
L-Assemblea Parlamentari tal-OSCE hi istituzzjoni indipendenti li tiffoka fuq il-promozzjoni tad-djalogu u koperazzjoni bejn il-parlamentari tal-istati membri tal-OSCE.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Borg ta rendikont taż-żmien diffiċli li għaddejja minnu l-OSCE u kif Malta qed taħdem biex tara progress. Hawn il-Ministru fakkar kif aktar minn qatt qabel, f’dinja u żminijiet turbulenti li qed ngħixu, hemm bżonn li l-OSCE tkun organizzazzjoni li tiffunzjona b’mod tajjeb u effettiv.
Waqt l-indirizz tiegħu, il-Ministru Borg qal li l-potenzjal ta’ din l-Assemblea hu wieħed importanti ferm u tenna kif il-ħsibijiet tal-Parlamentari huma kritiċi.
Iċ-Chair-In-Office fakkar kif jumejn oħra d-dinja se tkun qed tfakkar sentejn mill-bidu tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna u qal li l-waqfien ta’ din il-gwerra se tibqa’ tkun il-prijorità assoluta ta’ din il-Presidenza.
Hu kompla jgħid kif konflitti u tensjonijiet oħrajn fir-reġjun ukoll se jibqgħu jkunu fuq nett tal-aġenda tal-OSCE.
Qal, “Il-prijorità hi s-sigurtà komprensiva fir-reġjun kollu, is-sebgħa u ħamsin pajjiż f’din l-organizzazzjoni u allura l-vuċi ta’ dawk eletti mill-poplu kienet kruċjali.”
Fil-marġini ta’ din il-laqgħa, il-Ministru Borg kompla b’aktar laqgħat, fosthom mal-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Ġenerali Pia Kauma u Roberto Montella. Hu kellu laqgħa wkoll mad-delegazzjoni Maltija, li hi fformata mid-Deputati Amanda Spiteri Grech, Alex Muscat u Joe Giglio.
Il-Ministru Borg kellu wkoll numru ta’ laqgħat interni, fosthom mas-Segretarju Ġenerali tal-OSCE, Helga Schmid, u anke t-tim tar-Rappreżentanza Permanenti Maltija għall-OSCE.