Hekk kif l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja qed jippreparaw biex jibdew taħditiet dwar negozju faċilitat bejn iż-żewġ kontinenti, Malta qed tassigura li tagħti l-għajnuna kollha tagħha biex jintlaħaq ftehim, għax temmen bis-sħiħ li dan ikun ta’ benefiċċju għal kulħadd. Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt laqgħa f’Melbourne mal-Kunsill Ewropew-Awstraljan għan-Negozju, li għaliha kienu preżenti rappreżentanti ta’ kumpaniji differenti mill-oqsma tal-edukazzjoni terzjarja, it-teknoloġija, il-marittimu, il-bankarju u l-kostruzzjoni fost oħrajn.
Dr Muscat fisser kif iż-żjara tiegħu fl-Awstralja, aparti xejra nostalġika mal-komunità Maltija, għandha tifsira ewlenija fil-qafas tal-investiment, bi programm intiż biex iż-żewġ naħat jesploraw opportunitajiet ġodda ta’ xogħol.
Fl-aħħar ħames snin, il-ġid nazzjonali f’pajjiżna kiber b’rata medja ta’ 7% kull sena b’mod konsistenti u sostenibbli. Din in-norma ġdida qed tinkiseb billi jissaħħu l-oqsma tradizzjonali u fundamentali imma wkoll billi jinfetħu niċeċ ġodda ekonomiċi. Il-Prim Ministru semma s-settur tal-edukazzjoni b’numru ta’ istituzzjonijiet internazzjonali bħal Barts and the London School of Medical and Dentistry, kif ukoll l-oqsma tas-saħħa u t-turiżmu mediku.
Pajjiżna qed jattira wkoll kumpaniji ġodda fir-riċerka farmaċewtika u din il-ġimgħa approva liġi dwar il-produzzjoni f’Malta tal-marijuana għal użu mediċinali b’interess qawwi minn investituri barranin. Il-pass li jmiss, qal Dr Muscat, huwa fil-qasam tal-blockchain fejn Malta diġà nediet dokument ta’ konsultazzjoni u se ssir l-ewwel ġurisdizzjoni li jkollha leġislazzjoni f’dan is-settur.
Huwa b’dan il-mod miftuħ li pajjiżna jħares lejn in-negozju u għalhekk huwa favur li l-Unjoni Ewropea timxi lejn ftehim li jiffaċilita l-investiment bejnha u l-Awstralja.
Il-Prim Ministru qal li ninsabu f’perjodu bla preċedent bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Kull ftehim ta’ negozju ħieles isir abbażi ta’ żewġ naħat separati li jikkonverġu. Iżda, bi Brexit, għandek naħa waħda Ewropea li parti minnha se timxi fi triq differenti. Dan iġib miegħu ħolqien ta’ inqas ġid u huwa għalhekk li jeżisti sentiment naturali biex l-Ewropa tmur għal ftehimiet ma’ sħab ewlenin oħra.
Minkejja kwistjonijiet tekniċi speċjalment fil-qasam agrikolu, is-sitwazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja hija pożittiva u issa jmiss li l-Gvern Awstraljan jiddiskuti aktar ma’ stati membri li għadhom qed jopponu ftehim.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Ewropew-Awstraljan għan-Negozju Jason Collins qal li l-Ewropa hija l-iktar sieħeb sinifikanti għall-Awstralja. Sostna li l-Kunsill jaf li jista’ jafda fuq Malta għall-appoġġ li għandu bżonn biex ir-relazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti tilħaq il-potenzjal qawwi li għandha billi jaċċessaw b’mod iktar faċli is-swieq ta’ xulxin.
Simon Crean, eks-Mexxej tal-Partit Laburista Awstraljan u Kap tal-Oppożizzjoni fl-Awstralja mill-2001 sal-2003, faħħar ir-riżultati pożittivi li qed tikseb Malta u fissirhom bħala x-xewqa ta’ kull amministrazzjoni. Qal li Malta toffri opportunità kruċjali biex l-Awstralja tirnexxi f’relazzjonijiet b’saħħithom mal-Unjoni Ewropea fejn in-negozji taż-żewġ naħat jaħdmu id f’id ma’ xulxin.
Waqt din il-laqgħa għamlu l-interventi tagħhom ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela u l-Kummissarju Għoli Malti għall-Awstralja Charles Muscat.