Malta qed toffri l-appoġġ tagħha lir-Repubblika Lebaniża b’kontribuzzjoni finanzjarja ta’ €50,000 mill-baġit uffiċjali tagħha għall-għajnuna għall-iżvilupp wara l-isplużjoni devastanti li seħħet f’Bejrut nhar it-Tlieta li għadda. Dan sar magħruf minn stqarrija li ħarġet mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.
Sa issa qed ikun irrappurtat, mill-inqas mitt persuna nqatlu, u 4,000 oħra ndarbu, filwaqt li saret ħsara konsiderevoli fl-infrastruttura tal-belt.
Malta qed turi solidarjetà mal-gvern u l-poplu Libaniż bħala parti mir-rispons ta’ emerġenza, liema rispons qed jagħti tama li dan il-pajjiż jingħata għajnuna umanitarja minn diversi pajjiżi oħra minn madwar id-dinja, sabiex jegħleb riperkussjonijiet distruttivi fl-iqsar żmien possibbli.
F’din l-istqarrija ntqal li Malta tibqa’ tagħti sehemha fix-xena umanitarja globali. Xhieda ta’ dan huma l-kontribuzzjonijiet finanzjarji li Malta tagħmel b’mod regolari u f’waqthom b’reazzjoni immedjata għal kriżijiet ġodda, bħal kif sar wara t-terremot ta’ Novembru li għadda fl-Albanija u b’kontribuzzjonijiet varji tan-Nazzjonijiet Uniti matul l-eqqel tal-pandemija COVID-19 sabiex tingħata għajnuna lill-pajjiżi l-aktar milquta.