Malta se tikkontribwixxi €150,000 fil-Global Fund, fond internazzjonali maħsub biex jiġġieled mard bħall-AIDS, it-tuberkulożi, u l-malarja.
Ħabbar dan il-Prim Ministru, Robert Abela, waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-Global Fund, bħala parti mill-impenji tiegħu fi NewYork, fl-Istati Uniti.
Għas-sentejn li ġejjin f’dan il-fond se jiġu investiti madwar 18-il biljun dollaru Amerikan.
Waqt l-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-ġlieda kontra dan il-mard ma tieqaf qatt.
Qal, “The fight against TB, against malaria, is not yet over and what you have done, to protect millions of vulnerable people from these diseases, is absolutely remarkable.”
Il-Prim Ministru semma wkoll il-pandemija globali, u nnota li filwaqt li f’diversi pajjiżi din għaddiet, hemm pajjiżi oħrajn li għadhom qed jiżviluppaw u li għadhom qed jikkumbattu kontra din il-pandemija.
F’din il-konferenza, il-Prim Ministru rriafferma li Malta taqbel bis-sħiħ li dan il-mard ikun inqered sal-2030, u huwa f’dan l-ispirtu li saret din id-donazzjoni għal dan il-Fond.
Qal, “I can confirm that we will be providing financial support to the Global Fund over the next 3 years, the amount of €150,000, and I would like to congratulate all other countries who have attended this event and thank them too for the contributions that have just been announced and that will be announced later on today.” Fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru rrimarka li għandha tibqa’ mira globali b’saħħitha dik li sal-2030 naraw tnaqqis sostanzjali, jekk mhux saħansitra t-tmiem, ta’ mard infettiv. Malta kburija li se terġa’ tikkontribwixxi għal din il-kawża permezz tal-Fond Globali.